BLOGS

Superpartiġjan

Ftit ġimgħat ilu (11 ta’ Marzu, 2017) ktibt f’din il-paġna dwar dak li kien imħallef Philip Sciberras u sejjaħtlu Superman għan-numru kbir ta’ inkjesti li Muscat ħatru biex imexxi jew jieħu sehem fihom.

Nhar il-Ħadd li għadda Philip Sciberras qabeż kull limitu meta fit-Torċa kienu kwotati kummenti li għadda dwar is-sitwazzjoni preżenti, kummenti li Simon Busuttil iddeskrivihom bħala ‘oxxeni’.

Tassew ħadt pjaċir li l-Malta Independent nhar it-Tnejn kellha editorjal eċċellenti bit-titlu Egrant saga – the supposedly impartial judge li fih qalet li kummenti li għamel dan l-eks imħallef kienu “apparentement diretti lejn il-Kap tal-Oppożizzjoni”. Ma rridx nirrepeti l-argumenti oxxeni ta’ Sciberras kif dehru fit-Torċa.

L-Independent kienet ċara ħafna. Qalet li wara dawn il-kummenti mhux biss m’għandu qatt jintgħażel aktar biex imexxi inkjesti iżda jitfgħu dellijiet fuq l-inkjesti kollha li mexxa fl-aħħar erba’ snin.

Iżda  llum inħoss li wasal iż-żmien li nirrakkuntalkom esperjenza tiegħi fil-qosor.

  • Fl-1979 bħala editur ta’ il-mument ippubblikajt artiklu li fih semmejt fatti ta’ kif l-eks-Kummissarju Lawrence Pullicino kien qed jingħata trattament preferenzjali fil-ħabs ta’ Kordin fejn kien qed iservi sentenza dwar il-każ notorju ta’ Nardu Debono. Pullicino għamlilna kawża ta’ libell.
  • Għaddew snin kbar minn fuq il-każ tant li s-sentenza tal-Qorti ngħatat f’Mejju 2010 minn Philip Sciberras, ftit xhur qabel irtira.
  • Fis-sentenza tiegħu Sciberras qal li ma kienx emmen xhud prinċipali tagħna għaliex missieru kien editur ta’ In-Nazzjon. Missna għamilna bħalu u pprotestajna kontra Sciberras għaliex kien eksdeputat tal-Labour! Il-kawża tlifnieha u Sciberras ordnali nħallas €1,700 lil Pullicino.
  • F’Marzu 2014, il-Qorti tal-Appell dawret is-sentenza ta’ taħt fuq  u illiberatni minn kollox. Nibqa’ grat għad-difiża brillanti tal-avukat tiegħi Joe Zammit Maempel.

U Sciberras, allura, hu emeritus? Naħseb li demerit(us) (fl-isfumatura Ingliża tal-kelma) tiddiskrivih aħjar.

 

Il-ħatriet fil-Qorti ta’ Muscat

Din il-ġimgħa tħabbret ħatra oħra fil-qrati Maltin u għal darb’oħra qed naraw xi ħadd mill-aktar qrib tal-Partit Laburista li nħatar Maġistrat.

Din kienet il-ħmistax-il ħatra ġudizzjarja minn Joseph Muscat. Għaxra minn dawn huma ħatriet ta’ nies b’konnessjonjiet diretti  mal-Labour, ma’ deputati u eksdeputati tal-partit u nies oħrajn b’konnessjoni ma’ esponenti tal-istess partit.

F’din il-leġiżlatura, Muscat ħatar sitt imħallfin: tlieta minnhom b’konnessjonijiet  simili u disa’ maġistrati, sitta minnhom b’rabta diretta mal-Labour.

Ftit tax-xhur ilu kont għedtilkom li f’25 sena, il-PN fil-gvern kien ħatar numru sostanzjali ta’ Mħallfin u Maġistrati u l-ftit li kellhom xi tip ta’ rabta mal-politika kont tgħoddhom fuq subgħajk. Aktar minn hekk dawk il-ftit ħatriet kienu ġejjin miż-żewġ naħat politiċi ta’ pajjiżna.

Naturalment  il-quċċata ta’ dan il-gvern f’dan il-qasam intlaħqet meta wasal biex ħatar tnejn mill-ogħla uffiċjali tal-Labour bħala Mħallfin. It-taparsi riforma li twettqet mhux talli ma ġabitx titjib, talli l-ħatriet KOLLHA li saru wara din ir-riforma kienu sfaċċatament b’rabta politika.

Ħames snin oħra ta’ ħatriet ġudizzjarji minn Joseph Muscat ċertament li jġibu l-qrati Maltin jixbħu lil dawk ta’ Baku fl-Ażerbajġan. U t-tort ma jkunx biss ta’ Muscat iżda wkoll ta’ dawk kollha li minkejja li qed jaraw din il-ħerba madwarhom jibqgħu japprovaw din it-tmexxija skandaluża.
Il-ġudikatur fl-Azerbajġan

“The government engages prosecutors  and judges to discredit critical voices and uses the criminal justice system as a tool to persecute human rights defenders, journalists and NGO’s.

The Azerbaijan judicary is also perceived as totally subservient to the executive branch. Although constitutional safeguards for judicial indipendence exist,  according to which judges are bound only by Azerbaijan’s constitution and laws, in practice there are strong links between the judiciary and the government.

The selection of judges, for instance, is administered by the Judicial Legal Council. The majority of its members is appointed by the government and the Council is presided over by the Minister of Justice, which gives the government  control over the entire judiciary.”

Minn dokument tal-Helsinki Foundation for Human Rights (Sett. 2016)
Kif ibagħbsu mad-dokumenti

“The leaked files (Panama Papers) show the law firm Mossack Fonseca regularly offered to backdate documents with firm employees talking about establishing a price structure – clients would pay $58.75 for each month of backdating”

– The Australian Financial Review (April 3, 2016)

Il-verità finalment toħroġ

Erba’ snin ilu, wara li l-Labour kien ħabbar il-proposta tiegħu ta’ power station ġdida fi żmien sentejn, il-PN kien ġab espert f’dan il-qasam, Miles A. Seaman, biex iwieġeb mistoqsijiet tal-ġurnalisti dwar impjanti li jaħdmu bil-gass.

Fost l-oħrajn Miles kien qal li dak li l-Labour kienu qed jipproponu – proposta li dak iż-żmien kienet tinkludi żewġ tankijiet mostrużi għall-ħażna tal-gass fuq l-art – f’ċirkustanzi normali kienet tieħu sa ħames snin.

Konfrontat b’dan, Muscat kien qal li huma ma jaħdmux bħan-nazzjonalisti u allura t-targets jilħquhom żgur.

Nhar it-Tnejn, baxx baxx u mingħajr il-ħafna pompi tas-soltu, Muscat inawgura dan il-monument tal-korruzzjoni ‘l fuq minn erba’ snin mindu l-Labour ta bidu għall-proġett. B’hekk, issa, nistgħu niddeċiedu aħjar minn kien qal il-verità u min daħaq  bil-poplu.
Intietef…

Min qed jibblaffja

Fl-aħħar jiem il-Malta Today għamlet online poll b’din il-mistoqsija dwar il-każ Egrant. Il-mistoqsija kienet: “Min minnhom qiegħed ‘jibblaffja?’

Ir-riżultat kien dan: Joseph Mucat 55%; Simon Busuttil 17.6 %; Daphne Caruana Galizia 21.6%; ħadd minnhom għaliex jemmnu li qed jgħidu l-verità 5.7 fil-mija.

Infakkar li fis-sistema tal-Malta Today ħadd ma jista’ jivvota darbtejn għaliex is-sistema timpedik awtomatikament.
Testimone oculare

Interessanti kumment il-Ħadd li għadda   fil-paġni online ta’ The Times. Korrispondent, li ta ismu bir-ritratt, kiteb hekk:

“I’m an ex believer in Malta Tagħna Lkoll… ha, ha… the speech (ta’ Muscat fil-Konferenza Ġenerali tal-PL fil-jiem ta’ qabel) was prepared for him by the Englishman we pay. I heard so many of these speeches before the election. Never missed a meeting ‘taħt it-tinda’… only to find out he is a great actor but not the genuine person I thought he was before the elections”

 

X’jiġrilu min jikxef korruzzjoni fl-Ażerbajġan

Aqraw din is-silta minn rapport ta’ Transparency International bit-titlu Concept Paper on Whistleblower (4/25):

“In today’s Azerbaijan practice, whistle blowers are, more often that not dismissed from jobs. Also, those who report on corruption are often accused of having mental health problems by their superiors. Moreover they face litigations and accusations of slander and libel. These instruments of pressure force many whistleblowers to step back”.

 

minn Victor Camilleri