Futbol Sport

Wirja kbira ta’ Di Maio tpoġġi lil Valletta St Pauls fil-kwarti tal-finali

Il-plejers ta' Valletta jifirħu wara l-partita (Ritratt: Warren Sammut)

VALLETTA ST PAULS…..3

FLEUR DE LYS CFK………2

Wirja kbira mill-plejer Taljan Denis di Maio kienet fundamentali biex Valletta St Pauls għaddew għall-kwarti tal-finali tal-kompetizzjoni knock-out tal-MAFA meta għelbu lil Fleur de Lys CFK 3-2.

Il-Beltin, li għandhom motivazzjoni kbira li jieħdu din it-tazza, ssiġġillaw ir-rebħa tagħhom fl-ewwel taqsima hekk kif l-istess Di Maio kien awtur ta’ doppjetta. Min-naħa tagħhom, Fleur de Lys, friski mis-suċċess tagħhom bħala champions tat-Tieni Diviżjoni, offrew sfida denja lill-avversarji ferm iktar kwotati minnhom fejn minkejja li ġew maħsuda bi tliet gowls fl-ewwel taqsima, għarfu juru reazzjoni fit-tieni parti tal-logħba.

It-tim mill-kapitali, li kellhom xejn inqas minn seba’ plejers neqsin bejn sospensjonijiet u injuries, taw id-debutt sa mill-ewwel minuta lill-gowlkiper żagħżugħ Edward Gatt li kellu wirja tajba f’din il-partita.

Valletta ħadu biss żewġ minuti biex marru minn fuq meta wara kross mix-xellug kien Olumide Osaile li bir-ras għeleb lil Joshua Axisa bejn il-lasti ta’ Fleur de Lys.

Dawn tal-aħħar dehru maħsuda minn dan il-gowl u pront il-Beltin reġgħu skorjaw fit-12-il minuta meta Denis di Maio qabad ballun minn barra l-kaxxa u wara li qabeż numru ta’ plejers fajjar xutt li Axisa ma seta’ jilħaq qatt.

L-aggressività ta’ Valletta dehret ċara hekk kif fil-25 minuta Di Maio ra x-xutt tiegħu jaħbat mal-lasta. Huma għamluhom tlieta eżatt man-nofs siegħa logħob meta Denis di Maio avvanza, daħal fil-kaxxa u b’xutt tajjeb tefa’ l-ballun fix-xibka għal 3-0. Ftit qabel il-mistrieħ, Fleur de Lys naqsu l-marġni tal-iskor permezz ta’ Christian Barbara li għeleb lil Gatt mill-viċin.

It-tieni taqsima kienet fuq ritmu kajman fejn minkejja li Fleur de Lys beda jkollhom aktar azzjonijiet, ma kinux biżżejjed aggressivi lejn il-lasta Beltija. Il-Beltin bdew jamministraw il-logħba u fid-49 minuta xutt ta’ Jawar Musah għadda kemm kemm għoli mil-lasta ta’ Axisa.

Fleur de Lys naqsu l-marġni tal-iskor fit-68 minuta minn free-kick verament sabiħ ta’ Robert Bajada li ħasad lil Gatt biex għamel l-iskor wieħed aktar rispettabbli.  B’hekk Valletta kwalifikaw għal rawnd ieħor minn din il-kompetizzjoni fejn issa se jiltaqgħu kontra Senglea Gunners.

Referee: Joe Camilleri