#muscatgate Lokali

“Alla ma jaħmlux għax ħadlu spalla minnhom” fost it-tgħajjir lejn Beppe Fenech Adami wara l-Mass Rally tal-bieraħ

L-intervent li l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami għamel fil-Mass Rally, li tat bidu għall-kampanja elettorali, wassal biex numru ta’ partitarji Laburisti spiċċaw jattakkaw lura bil-kundizzjoni medika li s’issa għadu qed jingħata l-kura għaliha.

Dan jistona mal-kummenti tal-Mexxej Laburista Joseph Muscat u martu Michelle, li ta’ spiss qed isostnu li huma jħossuhom sereni, minkejja li l-preżenza tal-kunjom “Muscat” fid-dokumenti relatati mal-kumpanija Egrant.

Wara d-diskors tal-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, spikka l-aktar il-kumment ta’ Josef Vincenti, Laburist li t-Tnejn li għadda kien preżenti quddiem Kastilja, għal tul ta’ ħin b’żaqqu barra u fuq l-ispalel, li qal li Beppe Fenech Adami hu bi “spalla waħda għax anke Alla ma jaħmlux għax ħadlu spalla minnhom”.

It-tgħajjira espandiet ukoll għall-President Emeritus u eks Prim Ministru Eddie Fenech Adami. Ironikament, kummenti bħal dawn ġibdu s-simpatija ta’ mill-anqas tliet persuni, li għafsu like jew xi reazzjoni oħra.

Posts oħrajn inkludew dak ta’ Jurgen Bezzina, li għajjar lill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista “purċinell bħal missierek”. Dan wassal biex il-profil falz “Laburist Aħdar” għajjar lil Beppe Fenech Adami “kkankrat minn spalltu”. Min-naħa tiegħu, Philip Galea għajjru “buffu”.