Fi tmiem il-ġimgħa Bayern Munich ġew inkurunati champions tal-Ġermanja għas-27 darba fl-istorja tagħhom hekk kif kisbu rebħa ta’ 6-0 barra minn darhom kontra Wolfsburg.
Għal tmiem il-kampjonat fadal tliet partiti u Bayern qegħdin 10 punti fuq it-tim rivelazzjoni ta’ din is-sena Leipzig.
Id-dominju ta’ Bayern qed ikompli jikber u issa ilhom sa mill-istaġun 2012-13 jirbħu l-kampjonat. F’dik is-sena huma mhux biss kienu rebħu l-kampjonat imma t-‘Treble’ taħt it-tmexxija ta’ Jupp Heynckes. Hu kien ħalla lil klabb u minfloku ħa t-tmexxija f’idejh Pep Guardiola, eks-kowċ ta’ Barcelona.
Is-suċċess tas-Sibt li għadda hu l-ewwel wieħed li kiseb il-kowċ Carlo Ancelotti fil-Ġermanja hekk kif qabel l-istaġun dan kien ingħaqad magħhom biex ħa post Guardiola li minn naħa tiegħu iffirma ma’ Man City.
Filwaqt li Bayern qed ikomplu jiddominaw fil-kampjonat, għal darba oħra dawn naqqsu milli jirbħu ċ-Champions League, tazza li l-aħħar li rebħuha kien fl-2013.
Ta’ min jiftakar li dan l-istaġun Bayern inqalgħu kemm miċ-Champions League u anke mit-tazza domestika u b’hekk dan hu l-uniku unur li jkunu rebħu dan l-istaġun.
F’kummenti li wara r-rebħa kontra Wolfsburg Ancelotti rringrazzja lil kulħadd.
“Kuntent b’dan is-suċċess u nħossni iffortunat li qed inmexxi lil dan il-klabb li għandu kemm plejers kif ukoll partitarji mill-aqwa. Għandi appoġġ kbir mingħand is-soċjetà tal-klabb u dan hu importanti ħafna għal kull kowċ. Dan mhux biss klabb imma familja u qed inħossni parti minn familja,” qal Ancelotti.
Lahm se jirtira
Dan is-suċċess li kisbu Bayern kien l-aħħar wieħed fil-karreira ta’ Philipp Lahm li fi tmiem l-istaġun se jirtira mill-futbol. Lahm, li għandu 33 sena kien beda l-karriera ma’ Bayern u magħhom rebaħ total ta’ 21 trofew. Fost dawn hemm tmien titli tal-Bundesliga u darba ċ-Champions League.
Barra minn hekk, fl-2014 kien rebaħ it-Tazza tad-Dinja mal-Ġermanja.
F’kummenti li ta fi tmiem il-logħba Lahm qal li kieku kien jixtieq xi ħaġa oħra mal-karriera glorjuża tiegħu huma l-ammont ta’ gowls li skurja, anke jekk hu difensur.
“Hu veru li rbaħt diversi titli imma bla dubju l-aktar wieħed li nibqa’ niftakar hu l-ewwel kampjonat li rbaħt.”
//= $special ?>