Futbol Sport

EUROPA LEAGUE – Ajax kważi fil-finali

Ajax jinsabu b’sieq fil-finali tal-Europa League wara li fl-ewwel leg tal-ewwwel semifinali għelbu lil Lyon bi skor ta’ 4-1.

Fl-Olanda Ajax marru fil-vantaġġ fil-25 minuta meta Bertrand TRAORE sab ix-xibka b’daqqa ta’ ras.

10 minuti wara Ajax irduppjaw l-iskor meta kien hemm clearance ħażina ta’ Lopes u Traore qassam bir-ras lejn DOLBERG li ma żbaljax minn quddiem il-gowlkiper biex għamilhom 2-0.

Hekk kif bdiet it-tieni taqsima Ajax komplew jattakkaw u sabu ieħor. Fil-50 minuta YOUNES irċieva mingħand Ziyech u ra x-xutt tiegħu jkun devjat qabel ma l-ballun spiċċa fix-xibka.

Kien biss fis-66 minuta meta Lyon wettqu reazzjoni u naqqu d-distakk b’gowl ta’ VALBUENA li approfitta minn żball ta’ Schone.

Imma Ajax skurjaw ieħor fil-71 minuta permezz ta’ TRAORE biex b’hekk issiġillaw ir-rebħa. Ajax issa jinsabu ferm viċin li għall-ewwel darba f’dawn l-aħħar 21 sena jikkwalifikaw għall-finali ta’ kompetizzjoni Ewropea.