Għawdex jista’ jingħata pakkett finanzjarju mill-UE li jista’ jlaħħaq sa €250 miljun
Fost il-proposti tal-Partit Nazzjonalista biex Għawdex isir dejjem aktar attraenti bħala post fejn wieħed irabbi familja, hemm inċentiv finanzjarju lil kull koppja żagħżugħa Għawdxija jew koppja Maltija li tibda l-ħajja f’Għawdex u tissetilja f’Għadwex u se tingħata inċentiv finanzjarju ta’ €10,000.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal dan waqt intervista li saritlu minn Beppe Galea, żagħżugħ Għawdxi li saret taħt it-tinda fi Pjazza Vittorja, fix-Xagħra, Għawdex. Għal din l-attività attendew il-kanditati li se jikkontestaw f’isem il-PN f’Għawdex li huma FredrickAzzopardi, Kevin Cutajar, Joeph Ellis, Ċensu Galea, Ryan Mercieca, Maria Portelli, Marthese Portelli, Chris Said u David Stellini kif ukoll numru sabiħ ta’ Għawdxin li taw merħba mill-aqwa lil Simon Busuttil. Din kienet l-ewwel attività tal-PN f’Għawdex bit-tema, ‘Jien Nagħżel Malta’.
Simon Busuttil ikkonferma li l-PN se jagħmel xi ħaġa li l-ebda partit politika ma għamel s’issa, dik li joħroġ manifest elettorali għal Għawdex u għall-Għawdxin u dan inkiteb f’Għawdex mill-Għawdxin. Il-programm beda jitfassal waqt il-Konvenzjoni għal Għawdex li saret f’Jannar li għadda. Hu qal li l-PN għandu proposti eċitanti ġodda u konkreti.
Il-Kap tal-PN qal li fost il-proposti, il-PN se jintrabat li Għawdex jkun meqjus bħala gżira reġjun fil-Kostituzzjoni u jkun hemm liġi biex jitwaqqaf Kunsill Reġjonali għal Għawdex li jkun jista’ japplika hu għal fondi tal-Unjoni Ewropea u qal li dan mhux biss jista’ jsir imma l-pakkett finanzjarju jista’ jlaħħaq sa €250 miljun għal Għawdex.
Simon Busuttil qal li se ssir elezzjoni bikrija minħabba li għandna l-iktar Gvern korrott fl-istorja ta’ pajjiżna u l-Gvern għereq minħabba Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi.
Hu qal li llum id-Deputat Laburista Godfrey Farrugia ħabbar li mhux se jikkontesta l-elezzjoni f’isem il-Partit Laburista ‘għax ma jixraqlux li joħroġ ma dak li jsejjaħ lilu nnifsu Partit Laburista’ u qal li ‘hu Laburist u ma jħossux postu hemm’. Hu għamel appell lil Godfrey Farrugia li hu rispettat minn kulħadd biex jagħmel pass ieħor u issuġġerielu joħroġ mal-Partit Demokratiku li hu parti mill-Forza Nazzjonali.
Il-Kap tal-PN qal li l-prezz tal-korruzzjoni qed iħallsu kulħadd u l-Gvern m’għamel xejn ħlief qata’ ż-żigarella ta’ proġetti li saru mill-gvern Nazzjonalista u f’Għawdex m’għamel xejn. Joseph Muscat illum sar il-passat u nafu xi jsarraf u inutli jgħid issa li se jagħmel it-toroq kollha, għax dik il-wegħda kien għamilha diġà u ma wettaqhiex, qal Simon Busuttil.
Simon Busuttil qal li ma jaqbilx li l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex kien privatizzat u ma jaqbilx li l-kuntratt sar minn wara dahar l-Għawdxin u kien negozjat minn Konrad Mizzi u minn Keith Schembri. Hu qal li l-PN impenjat li l-Isptar ta’ Għawdex jerġa’ jsir tal-Għawdxin u mal-ġurament tal-Kabinett ta’ Gvern Nazzjonalista ġdid, il-Ministru għal Għawdex imur l-isptar ta’ Għawdex u jgħidilhom li dan l-Isptar se jerġa’ jingħata lill-Għawdxin.
Il-Kap tal-PN qal li minbarra l-Kunsill Reġjonali ta’ Għawdex, se jinżamm il-Ministeru ta’ Għawdex u jissaħħaħ u jkun taħt il-lenti tal-Kunsill Reġjonali biex kulħadd ikollu sodisfazzjon ta’ dak li qed isir.
Hu qal li l-gvern Nazzjonalista kien diġa’ beda jagħmel studju li jekk joħroġ li l-mina tista’ tinbena mill-istudji ġeoloġiċi, l-gvern ġdid Nazzjonalista jwettaq dan il-proġett li hu wieħed nazzjonali li jgħaqqad liż-żewġ gżejjer u d-dinamika tat-territorju tinbidel. Hu qal li x-xogħol jibda mill-iktar fis possibbli. Imma qal li immedjatament mal-ġurament ta’ Kabinett ġdid Nazzjonalista, jibda x-xogħol għal fast ferry service u trasport marittimu għall-merkanzija li Joseph Muscat neħħa u aħna nerġgħu indaħħluh qal Simon Busuttil.
Il-Kap tal-PN qal li l-Gvern Laburista hu Gvern tal-ħabi u l-kuntratti huma iċċensurati. Hu qal li jrid li jkun hemm kontrolli fuqu stess, imma Joseph Muscat ma jridx kontrolli u ma jridx trasparenza. Qal li Joseph Muscat se jwiegħed kollox lil kulħadd imma Joseph Muscat ma jistax iwiegħed l-onestà u l-integrità.
Dwar il-problema tad-droga, Simon Busuttil qal li hu għamel ħafna xogħol volontarju mal-vittmi tad-droga u għalhekk jifhem il-problemi li jiltaqgħu magħhom. Hu qal li meta inkixef l-iskandlu li traffikanti tad-droga f’Għawdex wara li saret laqgħa fil-Ministeru ta’ Għawdex bejn żewġ Ministri u l-ġenituri ta’ wieħed mit-traffikanti, Joseph Muscat bejn il-vittmi tad-droga u t-traffikanti tad-droga, għażel lit-traffikanti. Simon Busuttil qal li dan hu skandaluż u kellu jwassal għar-riżenja tal-Prim Ministru u taż-żewġ Ministri.
Il-Kap tal-PN qal li f’Għawdex Joseph Muscat wiegħed ħafna u m’għamel xejn, la Casino, la cruise liner terminal, la Qorti, la yacht marina u baqa’ jwiegħedhom f’kull baġit u ma saru qatt. Illum nafu li għal Għawdex Joseph Muscat ifisser biss paroli.
Simon Busuttil qal li jistenna li f’Għawdex ikun hemm l-istess livell tal-għajxien bħal Malta imma taħt Joseph Muscat il-gap kibret u l-impenn tal-PN hu li joffri proposti biex din id-differenza bejn il-livell tal-għajxien bejn il-Maltin u l-Għawdxin tonqos u jkunu indaqs.
//= $special ?>