Elezzjoni 2017 Lokali

FILMAT: ”Irrid ninvesti fin-negozji ż-żgħar u nagħmilhom aktar kompetittivi” – Simon Busuttil

“Gvern Nazzjonalista irid jinvesti fin-negozji ż-żgħar u jagħmilhom aktar kompetittivi” – Il-Kap tal-PN waqt Dissett.

Simon Busuttil se jikkontesta l-11 u t-12-il distrett

Il-Kap tal-Partit Nazzjnalista Simon Busuttil għall-elezzjoni ġenerali tat-3 ta’ Ġunju li ġej, se jkun qiegħed jikkontesta l-11 u t-12-il distrett.

Il-11-il distrett hu magħmul mill-Imdina, Ħ’Attard, il-Mosta u Burmarrad, filwaqt li t-12-il distrett hu magħmul mill-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ħabbar dan waqt il-programm ‘Dissett’ fuq l-istazzjon nazzjonali, TVM, l-ewwel wieħed minn meta tħabbret l-elezzjoni bikrija.

Il-programm imexxi mill-Kap tat-taqsima tal-aħbarijiet tax-xandir tal-istat Reno Bugeja iffoka fuq l-aħħar żviluppi politiċi fosthom il-kampanja elettorali u l-aħħar allegazzjonijiet dwar l-iskandlu Panama Papers.
Ara wkoll paġna 2

Simon Busuttil iwiegħed l-integrità u l-onestà… li Joseph Muscat qatt ma jista’ jwiegħed

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil filwaqt li ddikjara li fl-elezzjoni ġenerali tat-3 ta’ Ġunju se jkun qiegħed jikkontesta l-11 u t-12-il distrett elettorali fisser li bħala Kap ta’ Partit Nazzjonalista f’din il-kampanja elettorali għandu xi ħaġa li Joseph Muscat qatt ma jista’ jwiegħed – l-integrità u l-onestà.
Meta lbieraħ kien intervistat minn Reno Bugeja fil-programm ‘Dissett’ fuq TVM, Simon Busuttil qal li lil Joseph Muscat in-nies xebgħu jaqbduh f’gideb biex jaħbi korruzzjoni bħal tal-Cafè Premier, ta’ Gaffarena u f’ta’ Identity Malta, għalhekk żgur li ma jistax joffri politika onesta.

Mistoqsi xi tkun l-ewwel deċiżjoni li jieħu bħala Prim Ministru, Simon Busuttil wieġeb li minbarra li jinvestiga kull min hu involut fl-iskandlu Panama Papers, jaħtar Kummissarju tal-Pulizija ġdid li jaħdem fl-interess taċ-ċittadin u mhux fl-interess ta’ min imexxi f’Kastilja, bħalma qed jagħmel il-Kummissarju tal-Pulizija preżenti. Meta suppost jinvestiga l-allegazzjonijiet dwar Egrant, il-Kummissarju tal-Pulizija mar fenkata.
Waqt il-programm il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem anke dwar proposti ta’ Gvern Nazzjonalista fosthom għan-negozji u l-intrapriżi żgħar li t-taxxa tonqsilhom għal 10%, biex b’hekk ikunu aktar inċentivati li jinvestu fin-negozju tagħhom ħalli jkunu kompetittivi.

Tkellem ukoll dwar kif Gvern Nazzjonalista jħares lejn l-iżviluppaturi li jistgħu joħorġu b’kunċetti innovattivi fejn inħarsu l-ambjent imma fl-istess ħin ma noqtlux l-iżvilupp ta’ pajjiżna.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega anke kif kull kuntratt li ġie negozjat minn Konrad Mizzi u Keith Schembri li nqabdu b’kumpanija sigrieta fil-Panama, se jiġu investigati. Fost dawn il-kuntratti semma’ dak tal-privatizzazzjoni tal-Isptar ta’ Għawdex. Hawn, Simon Busuttil fakkar fil-wegħda li għamel lill-Għawdxin, li jagħti lilhom lura l-isptar ġenerali ta’ Għawdex.

“Li jgħaqqad lill-Partit Nazzjonalista u lil dawk li qed jissieħbu miegħu hu li jridu jnaddfu l-politika mill-korruzzjoni u l-gideb li Joseph Muscat ilu jagħmel f’dawn l-erba’ snin,” qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Simon Busuttil tkellem dwar il-provi li ressaq fl-inkjesta fil-Qorti quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja, provi li juru li ċ-Chief of Staff f’Kastilja, Keith Schembr,i ħa commissions minn fuq l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza. Dawn il-provi wasslu għand il-Kap tal-Partit Nazzjonalista wara l-aħħar allegazzjonijiet fil-konfront ta’ mart Joseph Muscat, Michelle, li allegatament it-tielet kumpanija sigrieta fil-Panama, Egrant, hi tagħha. Simon Busuttil semma’ wkoll il-Whistleblower li għandha l-provi li juru li l-kumpanija sigrieta fil-Panama Egrant hi ta’ Michelle Muscat.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna waqt l-intervista, kif it-tieni missjoni għalih hi li jnaddaf is-sistema politika f’pajjiżna, dan wara li l-ewwel missjoni tiegħu kienet li nsiru membri sħaħ tal-Unjoni Ewropea. Fisser li l-ewwel missjoni ssarrfet f’suċċess għaliex pajjiżna ssieħeb fl-UE u bis-saħħa t’hekk waslu fondi li għenu l-pajjiżna jimxi ‘l quddiem u issa t-tieni missjoni se tkun li jaħdem biex pajjiżna jkollu gvern li l-ewwel u qabel kollox jagħżel l-interessi tal-pajjiż u mhux tiegħu personali.