“Jien naf x’għandi jien…li tridu tgħidu, għiduh… u tkunu ffaċċjati bil-konsegwenzi”. Kienet din ir-reazzjoni tal-Prim Ministru Joseph Muscat meta mistoqsi minn NET News jekk iċ-Chief of Staff tiegħu, Keith Schembri, għandux kont fl-Iżvizzera.
Viżibbilment maħsud u f’pożizzjoni skomda, il-Prim Ministru ma kinex ċar fir-risposti tiegħu u ma kkommettix ruħu li jistaqsi liċ-Chief of Staff tiegħu jekk għandux kont bankarju fl-Iżvizzera.
“Staqsini fuqi u fuq il-mara tiegħi” qal Joseph Muscat lil NET News, waqt li żied jhedded lil NET News. “Li tridu tgħiduh, għiduh… u tkunu ffaċċjati bil-konsegwenzi”, żied Muscat.
It-theddid ta’ Muscat huwa preċiżament l-istess bħal meta kien hedded lil NET News b’libell qabel ma kien għadu ġie żvelat xejn dwar il-kumpaniji sigrieti ta’ Keith Schembri. Riċentament, f’okkażjoni differenti, Muscat hedded lil NET News b’libell meta mistoqsi jekk Egrant hijiex ta’ xi ħadd mill-familja tiegħu… qabel ma ġie żvelat li ‘Egrant’ hija tal-mara tiegħu.
“Jien naf x’għandi jien”, iddikkjara Muscat meta magħfus bil-mistoqsija jekk Schembri għandux kont fl-Iżvizzera. “Jien ma nafx x’għandu u x’ma għandux” qal il-Prim Ministru, qabel qalilna biex nistaqsu direttament lil Keith Schembri. “Tista’ ssaqsih inti. Grazzi ħafna” temm jgħid Muscat.
Keith Schembri nqabad li għandu kumpanija sigrieta fil-Panama, marbut ma’ trust fi New Zealand. Fl-aħħar jiem ġie żvelat ukoll li Keith Schembri għandu kont bankarju f’ismu f’Pilatus. Skont informazzjoni żvelata mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil fil-jiem li għaddew, Keith Schembri rċieva mal-€100,000 f’tixħim f’dan il-kont minn kumpanija sigrieta fil-British Virgin Islands.
//= $special ?>