– Muscat iqatta’ ħafna mill-ħin jiddefendi lilu u lill-Gvern dwar l-iskandlu tal-Panama u ‘Egrant’
– Jiddikjara li għandu fiduċja fil-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar
– Ifarfar ir-responsabiltà tal-kriżi f’pajjiżna u jgħid li t-tort huwa tal-Oppożizzjoni, anke jekk l-iskandlu tal-Panama ġabu b’idejh il-Gvern
– Ma jikkommettix ruħu li jneħħi lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi jekk jerġa’ jkun elett
– Messaġġ qawwi ta’ diviżjoni: Jgħid li jaħdem ma’ kulħadd ħlief ma’ Simon Busuttil
Il-Prim Ministru Joseph Muscat iddikjara li għandu fiduċja fil-Kummissarju tal-Pulizija. L-istess Kummissarju li minflok mar jinvestiga Pilatus Bank, mar fenkata. Muscat iddikjara l-appoġġ tiegħu għall-Kummissarju waqt il-programm Dissett.
“Għandi fiduċja fit-tmexxija, fil-Kummissarju, fil-Korp tal-Pulizija, iva”, iddikjara l-Prim Ministru mingħajr tlaqlieq, anke jekk fil-jiem li għaddew kien żvelat li l-Kummissarju ħa passi dwar l-iskandlu Muscatgate wara li ngħata struzzjonijiet mill-Prim Ministru nnifsu minflok malli faqqgħat l-istorja li ‘Egrant’ hija tal-mara tal-Prim Ministru.
Muscat kien sfurzat isejjaħ elezzjoni bikrija minħabba l-korruzzjoni, it-tixħim u l-ħasil tal-flus. Elezzjoni bikrija minħabba l-kumpaniji sigrieti fil-Panama, fost oħrajn il-kumpanija ‘Egrant’ tal-mara tiegħu. Imma flok refa’ r-responsabbiltà, Muscat prova jitfa’ t-tort tal-kriżi li jinsab fiha pajjiżna fuq il-ForzaNazzjonali li trid tnaddaf pajjiż.
“Hija sitwazzjoni ta’ irresponsabiltà min-naħa tal-Oppożizzjoni,” sostna l-Prim Ministru biex ifarfar ir-responsabbiltà, filwaqt li nqabad li kienu l-polls li kkontribwew biex isejjaħ elezzjoni bikrija minflok jerfa’ r-responsabiltà u jirriżenja. “Jiena għandi n-numri tiegħi u rajt in-numri fil-gazzetti” qal il-Prim Ministru, li żied li l-kunsiderazzjoni ewlenija għaliex sejjaħ elezzjoni kienet il-kunsiderazzjoni ekonomika.
Waqt Dissett, preżentat minn Reno Bugeja, ħareġ ċar li l-Prim Ministru Joseph Muscat mhux lest li jwarrab lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri jekk jerġa’ jkun elett, anke jekk it-tnejn li huma nqabdu b’kumpaniji sigrieti fil-Panama.
Dwar Keith Schembri saħansitra hemm provi li rċieva €100,000 f’tixħim. Imma Muscat mingħajr l-ebda committment li jneħħiħ.
“Jiena l-focus tiegħi huwa sempliċiment l-Elezzjoni Ġenerali u li nwassal il-messaġġ lin-nies. Id-deċiżjoni mil-lum sa dakinhar nara u neżamina l-affarijiet kollha. Id-deċiżjonijiet noħodhom jekk il-poplu jagħtina l-fiduċja,” sostna l-Prim Ministru.
L-istess dwar Konrad Mizzi. “Konrad Mizzi irid jitla’ bħan-nies kollha l-oħra u jien nieħu u inkusiderazzjoni dak kollu li jkun qed jiġri u nieħu d-deċiżjoni tiegħi,” qal Muscat dwar Konrad Mizzi. Meta mistoqsi jekk il-poplu għandux ikollu idea ta’ roadmap dwar x’se jiġri f’dan ir-rigward, Muscat ta x’jifhem li jiġi u jaqa’ jqum min-nies billi qal: “Ir-roadmap hija ċara u irrispettivament min-nies”.
Imma fuq kollox, waqt Dissett, spikka l-messaġġ ta’ diviżjoni minn Joseph Muscat. “Jien nħossni bħala bniedem naħdem ma’ kulħadd. Imma naħseb qed nagħmel eċċezzjoni fuq Simon Busuttil,” f’messaġġ qawwi ta’ diviżjoni u li jmur kontra kull għajta ta’ “Tista’ ma taqbilx magħna imma tista’ taħdem magħna”.
Għal ħin twil waqt il-programm, Muscat kellu jiddefendi l-pożizzjoni tiegħu dwar il-korruzzjoni u l-iskandlu tal-Panama, bil-Prim Ministru kontinwament jinsisti li m’għamel xejn ħażin.
//= $special ?>