Internazzjonali

“Iwissi li l-Brexit mhux “se jkun malajr u mingħajr uġigħ”

Michel Barnier

Michel Barnier, in-negozjatur kap tal-Unjoni Ewropea għall-Brexit, wissa li t-taħditiet mhux se jintemmu “malajr u mingħajr uġigħ.”

Barnier qal li kienet illużjoni li wieħed jaħseb li kollox jimxi ħarir waqt in-negozjati tal-Brexit u mhux se jkun hemm effett fuq il-ħajja ta’ kuljum. Dan hekk kif ilbieraħ ħabbar il-linji-gwida tal-UE għall-ewwel fażi tat-taħditiet.

Barnier qal li kien hemm bżonn soluzzjonijiet sodi u preċiżjoni legali u dawn l-affarijiet kienu jieħdu ż-żmien u ma kinux faċli.

Dan hekk kif qed ikun rapportat li r-Renju Unit se jkollu kont x’jifdi ta’ 100 biljun ewro qabel ma jitlaq mill-UE. Dan minħabba l-obbligazzjoni li l-pajjiż għandu bħala membru.

F’konferenza tal-aħbarijiet fi Brussell, Barnier qal li fl-ewwel fażi tat-taħditiet kien se jkun propju dwar il-kont tar-Renju Unit bħala membru, id-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE fir-Renju Unit u viċiversa, u l-fruntiera tar-Renju Unit u l-Irlanda.

Barnier, li hu Franċiż, wissa li t-taħditiet huma kumplessi u se jkun hemm konsegwenzi fuq il-ħajja ta’ kuljum tan-nies.

Iżda hu insista li kien ħażin li wieħed jinterpreta l-pagament dovut mir-Renju Unit baħal kastig imma aktar rendikont li hemm bżonn isir qabel ma jsir progress fit-taħditiet. Hu żied li kien jittama li sa Otturbu jew Novembru jkun f’pożizzjoni biex jgħid jekk sarx progress sinjifikanti jew le u biex jibdew it-taħditiet dwar arrangament kummerċjali.

Barnier qal li biex dan isir ried ikun hemm irbiet ċar dwar t-tlett temi ewlenin.

Barnier qal li dan jinvolvi temi bħal minn meta d-drittijiet ġodda taċ-ċittadini tal-UE fir-Renju Unit se jkunu effettivi u sakemm u sistema speċifika ta’ kif jiġi kalkolat id-dejn tar-Renju Unit. Hu żied li l-ftehim li jintlaħaq kien se jkun finali.

Ir-relazzjonijiet bejn Londra u Brussel kienu ftit mheżża f’dawn l-aħħar ġranet fost rapporti ta’ argument jaħraq bejn il-Prim Ministru Ingliż Theresa May u Jean Claude Juncker, il-President tal-Kummissjoni Ewropea.

Sadattant ilbieraħ May marret għand ir-Reġina Eliżabetta biex ixxolji l-Parlament. Dan b’rabta mal-elezzjoni ġenerali bikrija li se ssir fit-8 ta’ Ġunju. Elezzjoni li May sejħet biex ikollha mandat aktar b’saħħtu fin-negozjati għall-Brexit.