Lokali Qorti

Kundannat sitt snin ħabs fuq numru ta’ hold-ups

Il-Qorti fi Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta

L-akkużat wera rimors u jrid jiltaqa’ mal-vittmi

Raġel ta’ 41 sena mir-Rabat kien kundannat sitt snin ħabs wara li nstab ħati li wettaq numru ta’ hold-ups fir-Rabat, San Ġiljan u l-Gżira.

Keith Gauci li bħalissa ma jaħdimx kien akkużat li fi tmiem okkażjonijiet bejn is-17 ta’ Frar u s-6 ta’ Marzu li għadda wettaq tmien każi ta’ serq mill-postijiet imsemmija.

Hu kien akkużat ukoll li uża sikkina bla permess u li żamm lil seba’ mill-vittmi tiegħu kontra l-volontà tagħhom. Il-Maġistrat Franco Depasquale qal li l-akkużat kien nissel biża’ u nuqqas ta’ sigurtà fis-soċjetà.

Il-Qorti qalet li l-akkużat kien wera rimors għal dak li wettaq u talab maħfra lill-vittmi. Hu kien lest jiffaċċja lill-vittmi quddiem kumitat ta’ medjazzjoni, li jitwaqqaf apposta biex iġib flimkien lil min iwettaq ir-reati mal-vittmi. L-akkużat irid iħallas ukoll €700 għall-ispejjeż legali tal-qorti.

Il-Maġistrat Depasquale ordna lill-Offender Assessment Board biex jirriferi l-każ għall-medjazzjoni. Saret ukoll rakkomandazzjoni lill-awtoritajiet tal-ħabs biex jassistu lil Gauci biex jgħeleb il-problema tad-droga u jsegwi programm ta’ riabilitazzjoni.