Internazzjonali

L-Alitalia riesqa lejn il-falliment

Il-kumpannija nazzjonali tal-ajru Taljana, l-Alitalia, se tinbiegħ jew tiġi xolta imma għalissa se jkomplu t-titjiriet. Dan hekk kif il-Gvern Taljan eskluda li jerġa’ joħodha taħt idejħ.

L-Alitalia applikat għall-falliment għat-tieni darba f’għaxar snin. Pass li ttieħed wara li l-impjegati nhar it-Tlieta vvutaw kontra pjan ta’ salvataġġ li biħ is-shareholders kienu se jinvestu żewġ biljun ewro oħra imma bil-patt li jkun hemm qtugħ fil-pagi.

Issa l-Gvern Taljan mistenni jaħtar kummissarji biex tara jekk l-Alitalia tista’ tkompli tiffunżjona inkella tiġi xolta. Fil-frattemp, it-titjiriet se jkomplu kif skedat.

L-Alitalia kienet privatiżata fl-2008 wara li sena qabel kienet applikat għall-falliment.

Il-linja tal-ajru Eithad, li għandha 49 fil-mija tal-ishma tal-Alitalia, qalet li mhux se tkompli tinvesti fil-linja tal-ajru Taljana peress li kien hemm bżonn restrutturar fundamentali u kbir biex l-Alitalia tkun tista’ tkampa. James Hogan iċ-Chief Executive tal-Eithad, qal li kien hemm sfidi ġodda li kienu qed jeffettwaw fosthom il-kompetitżjoni mil-linji tal-ajru low cost u l-impatt ta’ attakki terroristiċi fuq is-settur turistiku.

Self ta’ 400 miljun ewro mill-Gvern Taljan aktarx se jwassal biex l-Alitalia tkompli bit-titjiriet tul ix-xhur tas-Sajf.

Osservaturi qalu li elezzjoni ġenerali li se ssir fl-Italja s-sena ddieħla tista’ salva lil Alitalia dan peress li l-ġejjieni tal-12,500 impjegat tal-Alitalia aktarx tispiċċa tema elettorali bi ftit poltiċi lesti jinjoraw.
Min-naħa l-oħra ħafna Taljani huma kontra li l-Gvern ikompli jiffinanzja lill-Italja.