Elezzjoni 2017 Lokali

L-MHRA tappella kontra wegħdiet populisti

L-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) fi stqarrija qalet li hekk kif il-kampanji elettorali issa bdew resqin lejn l-elezzjoni ġenerali, appellat lit-tmexxija taż-żewġ partiti politiċi ewlenin biex ikunu responsabbli fil-wegħdi elettorali lill-elettorat u qalet li dawn iridu jkunu sostenibbli u ma jintużawx bħala lixka biex jattiraw lill-elettorat.

L-MHRA qalet li temmen li l-wegħda tal-Partit Laburista li jagħti lura l-vaganzi pubbliċi li jaħbtu fi tmiem il-ġimgħa bħala jiem iżjed ta’ leave, hi eżempju perfett ta’ miżura mhix sostenibbli. L-Assoċjazzjoni spjegat li din il-kwistjoni kienet diskussa u studjata diversi drabi u dejjem kien hemm qbil li miżura bħal din kienet se ttellef il-kompetittività tal-ekonomija u tan-negozji.

L-MHRA qalet li l-istess, l-istqarrija mit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista dwar l-miżuri maqbula permezz tal-MCESD biex jitjiebu l-kundizzjonijiet marbuta mal-paga minima mhix flokha meta wieħed iqis li ntlaħaq qbil fost l-istakholders kollha u nstabet soluzzjoni.

L-MHRA qed tħares ’l quddiem biex tara liema miżuri ż-żewġ partiti politiċi qed jippjanaw li jwettqu la darba wieħed minnhom ikun elett fil-gvern biex jassigura aktar tkabbir sostenibbli li jgħolli l-kwalità tal-ħajja għal kulħadd.

Madankollu, il-pajjiż ma jistax jonfoq il-flus li m’għandux. L-MHRA qalet li twiegħed l-appoġġ lil partit politiku elett b’mod sostenibbli tikber l-ekonomija tal-pajjiż u l-kundizzjonijiet soċjali imma se topponi miżuri li huma populisti u jheddu l-kwalità ta’ ħajja ta’ kulħadd.