Internazzjonali

Laqgħa bejn Sarraj u Haftar

Rapporti fil-midja Għarbija qed jindikaw li hemm possibbiltà kbira ta’ ftehim bejn Fayez al-Sarraj, il-Prim Ministru tal-Gvern ta’ għaqda nazzjonali appoġġjat min-Nazzjonijiet Uniti, u l-Ġeneral Khalifa Haftar, li jmexxi waħda mill-akbar gruppi armati fil-Libja u hu alleat mal-Gvern bażat f’Tobruk.

Dan wara taħditiet li t-tnejn kellhom f’Abu Dhabi fl-Emirati Għarab Magħquda u bit-tir li fil-Libja fl-2018 issir elezzjoni.

Jidher li f’Abu Dhabi sar ftehim biex il-gruppi armati fil-Libja jiġu xolti u jkun hemm forza militari waħda taħt il-kmand ta’ kunsill Presidenzjali ġdid. Kunsill li s’issa kien magħmul minn disa’ membri imma l-proposta hi biex dak ġdid ikun magħmul minn tliet persuni: il-President tal-Parlament, il-kmandant tal-Armata u l-Prim Ministru.
Din kienet it-tieni laqgħa mill-2015 s’issa bejn dawn iż-żewġ mexxejja. Fi Frar Sarraj kien stqarr li Haftar kien qed jirrifjuta li jiltaqa’ miegħu.

L-Emirati Għarab Maqgħuda qalu li kienu ottimisti dwar it-taħditiet li saru l-Erbgħa kien mistenni f’Abu Dhabi l-President Eġizzjan Abdul Fattah Al Sissi li hu qrib Haftar.

Din il-laqgħa ta’ Abu Dhabi jidher li hi parti minn ħidma diplomatika.

Il-Ħadd Martin Kobler, il-mibgħut tan-Nazzjonijiet Uniti għal-Libja, kien is-Sudan għal taħditiet ma’ Mahmoud Jibril, li kien imexxi Gvern temporanju waqt ir-rewwixta kontra r-reġim ta’ Gaddafi.