Anthony Joshua jemmen li kien il-karattru sod tiegħu li għenu jirbaħ il-ġlieda kontra Wladimir Klitschko nhar is-Sibt li għadda. Joshua kiseb rebħa drammatika lejn it-tmiem biex għeleb lil Wladimir Klitschko fi ġlieda mill-isbaħ f’Wembley għat-titlu dinji tal-heavyweight.
Il-boxer ta’ 27 sena deher riesaq lejn l-ewwel telfa professjonali tiegħu meta spiċċa mal-art fis-sitt rawnd, iżda ssielet biex għeleb l-isfida tal-avversarju fil-11-il rawnd. Joshua ddefenda b’suċċess it-titlu IBF, filwaqt li kiseb it-titlu WBA. Ta’ min jinnota li għall-ewwel darba fil-karriera tiegħu Joshua spiċċa mal-art imma irkupra tajjeb u għeleb lill-avversarju tiegħu.
“Ma kinitx ġlieda perfetta minn naħa tiegħi imma kuntent li rbaħt. Issa la darba rbaħt irrid nara fejn nista’ nitjieb. Fl-isport ma jgħoddx biss kemm tkun tajjeb imma jgħodd ħafna l-karattru li jkollok. Jien għamilt minn kollox biex nirkupra wara li bdejt naqla’ d-daqqiet,” qal Joshua.
Il-boxer Ingliż kompla billi faħħar lil Klitschko u qal li hu għandu rispett lejn kull min jagġħżel li jiġġieled.
Se jerġgħu jiġġieldu
Minn naħa tiegħu Klitschko qal li l-aqwa boxer rebaħ matul is-serata u t-telfa tiegħu kienet waħda meritata. Fil-kuntratt ta’ qabel il-ġlieda kien hemm klawsola li tgħid li l-boxer li jitlef il-konfront kellu dritt li jitlob ġlieda oħra u Klitschko kkonferma li hu interessat jagħmel dan.
Konfront bejn żewġ Ingliżi
Jidher li issa se jkollna ġlieda bejn żewġ boxers Ingliżi, Joshua u Tyson Fury. Dan wara li Joshua stieden lil Fury biex it-tnejn li huma jiġġieldu kontra xulxin f’Wembley.
Fury kien rebaħ kontra Klitschko bil-punti f’Novembru tal-2015 imma kien ċeda ċ-ċinturini tiegħu wara li waqa’ f’dippressjoni. Bħalissa hu jinsab f’kundizzjoni fiżika mhux tajba għall-ġlied u lanqas għandu liċenzja ta’ boxer imma f’dawn l-aħħar xhur kemm-il darba stqarr li jixtieq jerġa’ jibda jikkompeti.
Joshua, li għandu 27 sena ma tilef qatt fid-19-il ġlieda li kellu s’issa.
Fury għandu 28 sena ukoll qatt ma tilef fil-karriera tiegħu u minn 25 ġlieda rebaħ 18 b’knockout.
//= $special ?>