Fl-ewwel leg tas-semifinali taċ-Champions League, Juventus għelbu lil Monaco bi skor ta’ 2-0 fi Franza biex issa jibdew favoriti biex ikunu huma li jikkwalifikaw għall-finali tat-3 ta’ Ġunju fejn jiltaqgħu kontra Real jew Atletico Madrid (Real rebħu l-ewwel leg 3-0).
Il-wirja ta’ Juventus kienet waħda tipika tagħhom hekk kif dawn iddefendew b’għaqal kbir kontra Mbappe u sħabu u skurjaw permezz tal-ftit okkażjonijiet li kellhom. L-eroj tas-serata kien bla dubju Higuain li skurja d-disa’ doppjetta dan l-istaġun.
Ta’ min jgħid ukoll li fil-logħba spikka anke l-gowlkiper Buffon b’saves deċiivi.
Monaco mal-ewwel ħarġu jattakkaw u mat-13-il minuta kien Buffon li salva daqqa ta’ ras ta’ Mbappe. Tliet minuti wara l-Franċiżi reġa’ kellhom ċans akbar u reġa’ kien Mbappe li din id-darba daħal tajjeb fil-kaxxa imma ra x-xutt tiegħu jkun salvat minn Buffon.
Kien man-nofs siegħa logħob meta Juventus ħasdu lil Monaco b’azzjoni ta’ kontra attakk li fiha Dani Alves għadda ballun bit-takkuna lejn HIGUAIN li skurja b’xutt fil-baxx.
Hekk kif bdiet it-tieni taqsima Monaco reġgħu bdew jattakkaw u Buffon salva xutt ta’ Falcao. Minkejja t-tentattivi ta’ Monaco reġgħu kienu Juventus li skurjaw fil-mument opportun. Għal darba oħra l-azzjoni kienet orekstrata bejn Dani Alves li tefa’ cross perfett u HIGUAIN li daħal bħal sajjetta u skurja b’xutt fil-baxx. Għal Higuain dan kien il-ħames gowl tiegħu fiċ-Champions League dan l-istaġun u l-31 wieħed tal-istaġun.
Minn hemm ‘il quddiem Juventus komplew jiddefendu tajjeb biex kisbu rebħa mill-aktar importanti.
Għalissa Juventus idawwru l-attenzjoni fuq il-logħba tas-Serie A nhar is-Sibt li ġej kontra r-rivali Torino qabel ma jerġgħu jibdew jaħsbu fuq it-tieni leg tad-9 ta’ Mejju f’Turin.