Il-President Amerikan Donald Trump u dak Russu Vladimir Putin qablu li dan is-Sajf jippruvaw jiltaqgħu għal summit fil-Ġermanja.
Dan wara li ż-żewġ mexxejja tkelmu fuq it-telefone dwar diversi temi fosthom it-terroriżmu u l-kriżi Koreana imma l-aktar il-kunflitt fis-Sirja.
Il-konversazzjoni kienet deskritta mill-White House bħala tajba ħafna u t-tnejn li huma qablu li l-kunflitt Sirjan ilu jkaxkar wisq.
Skont il-Kremlin, li wkoll qal li l-konversazzjoni kienet waħda tajba, Trump u Putin qablu li jiżdiedu l-isforzi diplomatiċi dwar is-Sirja.
Il-Kremlin żied li Rex Tillerson, is-Segretarju tal-Istat Amerikan, u Sergei Lavrov, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Russu, kienu se jaħdmu biex ikun hemm waqfien mill-ġlied u proċess ta’ paċi.
Il-possibbiltà ta’ laqgħa bejn Putin u Trump qed tiġi diskussa għal meta fis-Sajf fil-Ġermanja jkun hemm summit tal-G20.
Din kienet l-ewwel darba li ż-żewġ mexxejja tkelmu minn mindu l-Istati Uniti bumbardjat bażi Sirjana li allegatament intużat għal attakk b’armi kimiċi. Attakk li warajħ Putin qal li r-relazzjonijiet bejn l-Istati Uniti u r-Russja kienu jinsabu fi stat ħażin ħafna.
//= $special ?>