Elezzjoni 2017 Lokali

AĠĠORNAT: Il-Maġistrat jordna investigazzjoni kriminali dwar iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru

"L-iżvilupp tal-lum issa jikkonferma kemm l-elezzjoni ġenerali tat-3 ta' Ġunju mhix elezzjoni normali iżda elezzjoni straordinarja li fiha rridu nagħżlu jekk pajjiżna għandu jibqa' mmexxi minn bniedem li huwa mifni b'allegazzjoni serji ta' korruzzjoni u ħasil tal-flus madwaru." - Simon Busuttil

Il-Maġistrat Aaron Bugeja iddeċieda li ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri għandu jiġi investigat dwar reati kriminali ta’ tixħim u ta’ ħasil tal-flus. Dan tħabbar waqt xandira mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil wara li l-ġimgħa li għaddiet kien żvela dettalji dwar dan il-każ fejn Keith Schembri ħa flus b’korruzzjoni mill-bejgħ tal-passaporti. Dawn il-flus, li jammontaw mal-€100,000 għaddew mill-kumpanija tal-konsulent tal-Prim Ministru Willerby Inc tħallsu b’rabta ma’ tliet persuni Russi li applikaw biex jixtru ċ-ċittadinanza u ħaduha.

L-investigazzjoni kienet ordnata wkoll fil-konfront ta’ Brian Tonna. Simon Busuttil ikkwota mid-deċiżjoni tal-Maġistrat fejn kiteb li “… jidhirlu mill-fatti preżentati lilu  f’dan l-istadju, jirriżulta li ġew sodisfatti l-prerekwiżiti meħtieġa sabiex issir investigazzjoni…. fir-rigward tal-fatti allegati fir-rikors … relattivament għar-reati denunzjati fil-konfront ta’ Keith Schembri u Brian Tonna.”

Fid-dikjarazzjoni tiegħu, il-Kap tal-PN qal li b’din id-deċiżjoni, “illum ninsabu f’sitwazzjoni fejn iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, l-iktar persuna viċina ta’ Joseph Muscat, mill-lum jinsab investigat uffiċjalment, formalment taħt investigazzjoni ordnata minn Maġistrat dwar reat kriminali.”

Hu appella biex jiġi appuntat minufih Maġistrat sabiex jibda din l-investigazzjoni kriminali sabiex Keith Schembri u Brian Tonna jitressqu l-Qorti b’akkużi ta’ tixħim u ħasil ta’ flus.

Simon Busuttil fakkar li Joseph Muscat siefer bosta drabi madwar id-dinja ibiegħ l-iskema tal-passaporti, ħafna drab akkumpanjat minn Keith Schembri u li sa dalgħodu stess u ripetutament fl-aħħar ġimgħa, il-Prim Ministru reġa’ sostna li għandu fiduċja f’Keith Schembri.

“Għalhekk, m’hemm l-ebda dubju li Joseph Muscat hu personalment responsabbli għal dak li għamel Keith Schembri,” sostna l-Kap tal-PN, “f’dan l-istadju, m’hemm l-ebda dubju li mhux biss Joseph Muscat għandu jitlaq iżda li żgur li postu mhux fil-politika.”

Simon Busuttil temm li l-iżvilupp tal-lum issa jikkonferma kemm l-elezzjoni ġenerali tat-3 ta’ Ġunju mhix elezzjoni normali iżda elezzjoni straordinarja li fiha rridu nagħżlu jekk pajjiżna għandu jibqa’ mmexxi minn bniedem li huwa mifni b’allegazzjoni serji ta’ korruzzjoni u ħasil tal-flus madwaru.

“F’din l-elezzjoni, l-għażla hi bejn Joseph Muscat u Malta. U bejn Joseph Muscat u Malta, għandna lkoll nagħżlu lil pajjiżna, li minnu niddependu lkoll,” temm il-Kap tal-PN.

F’reazzjoni għal din l-aħbar il-ġurnalisti James Debono qal li l-fatt li l-Maġistrat inkwerenti sab biżżejjed evidenza biex tibda investigazzjoni oħra fil-konfront ta’ Keith Schembri huwa fatt li ħadd ma jista’ jmerih.