Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil sejjaħ lill-Prim Ministru Muscat biex jirriżenja għaliex kemm idum hemm se jkompli jagħmel ħsara lill-pajjiż
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil wiegħed onestà fil-politika u impenn sħiħ biex ikompli jkun ta’ servizz għall-poplu u għall-pajjiż.
Dan iddikjarah fl-attività, f’Santa Venera, bit-tema ‘Jien Nagħżel Malta’, ftit ħin wara li kien għadu kemm ħabbar id-deċiżjoni li rċieva tal-Maġistrat Aaron Bugeja li sab li hemm provi biżżejjed biex issir investigazzjoni kriminali fil-konfront ta’ Keith Schembri, Chief of Staff tal-Prim Ministru, u Brian Tonna, konsulent tal-Prim Ministru.
Simon Busuttil qal li diversi drabi Keith Schembri akkumpanja lill-Prim Ministru meta dan imur barra minn Malta jirreklama l-bejgħ tal-passaporti. Dan juri li filwaqt li Joseph Muscat kien jirreklama, Keith Schembri kien jieħu l-commission.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li meta hu jagħmel akkużi fil-konfront ta’ xi ħadd, jagħmel dan bil-provi f’idu. Hu sejjaħ lill-Prim Ministru biex jirriżenja għaliex kemm idum hemm se jkompli jagħmel ħsara lill-pajjiż. Jekk qed jegħreq għandu jegħreq waħdu u mhux iniżżel lill-poplu Malti u Għawdxi miegħu.
Simon Busuttil qal li post Joseph Muscat m’għadux fil-politika. L-elezzjoni, li Joseph Muscat qed jużaha biex jgħatti l-ħażin li sar, mhix is-soluzzjoni. Is-soluzzjoni hi li jwarrab kull min hu mċappas bil-korruzzjoni. Għalhekk għandhom iwarrbu Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi.
Tkellem ukoll dwar id-dikjarazzjoni li għamel Godfrey Farrugia meta sostna li ma jixraqlux li hu bħala laburist, ikompli jaħdem fil-Partit Laburista tal-lum. Dan hu kliem li jikkundanna lil Joseph Muscat.
Illum nerġgħu nistennew ħafna wegħdiet minn Joseph Muscat kif għamel erba’ snin ilu. Iżda hemm ħaġa li Joseph Muscat ma jistax iwiegħed. Din hi l-onestà. Simon Busuttil qal li l-onestà jwegħedha hu.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Prim Ministru qed ibeżża’ lill-poplu li jekk hu jitlef l-elezzjoni, l-ekonomija se tmur lura u l-pajjiż se jfalli. Dan hu gideb għaliex il-Partit Nazzjonalista għandu passat li juri li dejjem saħħaħ l-ekonomija. Simon Busuttil qal li ħadd ma għandu jibża’ li se jitlef xi ħaġa milli għandu llum. Dawn huma kollha beżgħat li l-Partit Laburista qed jiżra’.
Illum l-għażla għall-poplu hi ċara. Għażla bejn Joseph Muscat u Malta. Hu jinsab ċert li l-poplu se jagħżel kif se jagħżel hu, jagħżel Malta.
Simon Busuttil fakkar li issa ilu erba’ snin Kap tal-Partit Nazzjonalista. Hu rringrazzja lil kulħadd għall-appoġġ li qed jingħata. Irringrazzja lill-familja tiegħu u wiegħed l-impenn sħiħ tiegħu biex ikompli jkun ta’ servizz għall-poplu u għall-pajjiż
//= $special ?>