L-avversarji politiċi tal-Prim Ministru tar-Renju Unit akkużawha b’li qed tuża l-proċess tal-Brexit ‘għall-gwadann tagħha u tal-partit fil-Gvern’, qabel l-elezzjoni ġenerali li se ssir fir-Renju Unit, fit-8 ta’ Ġunju.
Dan wara li l-Prim Ministru, Theresa May, eskalat il-gwerra bil-kliem mal-Unjoni Ewropea, f’aġir li qanqlet reazzjoni rabbjuża min-naħa tal-Ministru Ewlieni tal-Iskozja, Nicola Sturgeon. Fil-fatt, Sturgeon qed tgħid li May ‘ippruvat iddardar l-ilma’ waqt il-proċess mal-Ewropej u li, anki, daħħlet element ‘partiġġjan u bla viżjoni’ fin-negozjati mal-ogħla uffiċjali fi Brussell.
Theresa May, din il-ġimgħa, sostniet li l-mandat tal-UE biex tinnegozja dwar il-Brexit għandu għan ‘għal indħil fl-elezzjonijiet tar-Renju Unit’. Sadanittant, Nicola Sturgeon akkużat lil May dwar ‘attakk irresponsabbli fuq il-ġirien Ewropej’ li, skont hi, kien ‘xprunat mill-interessi politiċi tal-Prim Ministru’. Sturgeon kompliet li ‘l-insulti lill-Istati tal-UE iservu biss biex jikkumplikaw il-proċess tal-Brexit’.
Tkellem ukoll Jeremy Corbyn, il-Kap tal-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni li jeħtieġ jissupera distakk ta’ 20 punt perċentwali mal-Konservattivi fil-Gvern, u fejn sostna li May qed taħseb biex ‘tilgħab bil-Brexit’.
Min-naħa tagħha, Emily Thornberry, bħala r-rappreżentant Laburista għall-affarijiet barranin, qalet li l-istqarrija ta’ Theresa May kienet tinkludi anki element ‘xenofobiku’. Thornberry saħqet li l-Prim Ministru tar-Renju Unit ‘għandha taħdem aktar biex tibni r-relazzjonijiet utli mal-Ewropej milli toqgħod tinħela fl-akkużi bla sens’.
Il-Prim Ministru May, intant, wissiet dwar ‘konsegwenzi serji’ f’każ li r-Renju Unit jiżbalja u jaqbad direzzjoni ħażina fin-negozjati dwar il-Brexit. Hi sostniet li ‘jekk ir-Renju Unit ma jmexxix tajjeb dawn in-negozjati jkun qed jissogra x-xogħol xieraq għall-ġenerazzjonijiet ġodda tal-Britanniċi’.
//= $special ?>