Futbol Sport

L-appell ta’ Mosta FC mhux milqugħ

Waqt seduta li saret nhar l-Erbgħa li għadda l-Bord tal-Appell tal-Malta Football Association ċaħad l-appell imressaq minn Mosta FC kontra d-deċiżjoni talBord tal-Kontroll u Dixxiplina, maħruġa fit-18 ta’April, 2017.

Il-Bord tal-Kontroll u Dixxiplina tal-MFA kien ordna tnaqqis ta’ ħames punti mit-total li Mosta FC għandhom fil-kampjonat u multa ta’ €5,000 wara li l-klabb kien instab li għamel pagamenti illegali lil wieħed mill-plejers tiegħu meta dan kien reġistrat mal-MFA bħala ‘amateur’.

Mosta FC appellaw minn din id-deċiżjoni izda l-Bord tal-Appell ikkonferma s-sentenza talBord tal-Kontroll u Dixxiplina kif ukoll is-sanzzjonijiet maħruġa mill-istess bord.

Il-Prosekutur tal-MFA kien akkuża lil Mosta FC bi ksur tar-Regulations on the Status and Transfer of Players fuq il-bażi tar-rapport imħejji mill-Bord tal-Inkjesta tal-MFA dwar allegat użu ta’ dokumenti u firem falsifikati fl-applikazzjonijiet għal work permit ta’ plejers minn pajjiżi non-EU mill-istess klabb.

B’Kara se jkollhom jistennew
Waqt is-seduta tal-Erbgħa, il-Bord tal-Appell tal-MFA beda jisma’ wkoll l-appell imressaq minn Birkirkara kontra d-deċiżjoni tal-Bord tal-Liċenzjar tal-Klabbs Membri li ma tinħariġx liċenzja UEFA lill-istess klabb għall-istaġun 2017/18.

Deċiżjoni finali dwar dan l-appell hi mistennija kmieni l-ġimgħa d-dieħla wara li l-partijiet konċernati jkunu għamlu numru ta’ sottomissjonijiet bil-miktub.