Internazzjonali

L-ISIS mal-fruntiera tal-Ġordan….

 

Żdied l-inkwiet dwar offensiva ġdida mill-militanti tal-ISIS qrib il-fruntiera tal-Ġordan u f’reġjun ta’ importanza kbira strateġika.

Rapporti mir-reġjun – li jipprovdi aċċess ewlieni minn Bagdad, il-kapitali tal-Iraq għal Amman, il-kapitali tal-Ġordan – qalu li diversi vetturi armati mimlijin bit-terroristi tal-ISIS waslu fid-distrett ta’ Ar-Rutbah, fil-Punent tal-Iraq u viċin l-art tal-Ġordan.

Id-dehra tal-ISIS fir-reġjun straxxnat mill-gwerra qed tkun irrappurtata sena biss wara li l-Armata tal-Iraq kienet keċċiet lit-terroristi mir-reġjun. Jaħsbu, intant, li t-terroristi qegħdin jaslu f’din iz-zona mir-reġjuni tal-Lvant Nofsani li għadhom ikkontrollati mill-ISIS.

Intant, fl-aħħar ġimgħat kien hemm mewġa ġdida ta’ attakki fuq il-qawwiet Iraqqin, meta l-Ġordan qed iħoss l-impatt umanitarju tal-gwerra ċivili fis-Sirja ( pajjiż ġar) kif ukoll tar-rewwixta mill-ġellieda Iżlamiċi fl-Iraq.

Fl-istess ħin, jaħsbu li fil-Ġordan hemm jgħixu madwar 1.4 miljun refuġjati Sirjani li huma mifruxin qalb numru ta’ kampijiet f’dak il-pajjiż.