It-taħditiet bejn il-Kapijiet tal-akbar żewġ gruppi rivali fil-Libja jidhru li rriżultaw f’xi forma ta’ ftehim li jitqies bħala, forsi, ‘l-aktar mument ottimistiku għal snin’ għal dan il-pajjiż.
F’dan l-iżblokk diplomatiku, Fayez al-Sarraj, li jmexxi l-Gvern Libjan appoġġjat min-Nazzjonijiet Uniti, iltaqa’ għal sagħtejn mar-rivali, Khalifa Haftar, li jmexxi lill-qawwiet leali għall-Parlament Libjan li għandu l-bażi fil-belt ta’ Tobruk.
Il-laqgħa saret fl-Emirati Għarab Magħquda u mistenni li, il-ġimgħa d-dieħla, Sarraj u Haftar ikollhom it-taħditiet mal-President tal-Eġittu, Abdel Fatah al-Sisi. Il-President Eġizzjan — l-istess bħall-Emirati Għarab u l-Italja — kien strumentali għall-proċess ta’ rikonċiljazzjoni bejn ir-rivali Libjani li ilu ż-żmien suġġett għall-intoppi.
Ma ħarġet l-ebda stqarrija uffiċjali mit-taħditiet li saru f’Abu Dhabi, iżda rapporti mhumiex ikkonfermati qed jissuġġerixxu, fost oħrajn, li għandhom isiru elezzjonijiet ġodda fil-Libja, fi żmien sitt xhur.
Il-Libja ilha tbati mid-diżgwid intern mindu tqaċċat ir-reġim tal-eksdittatur Libjan, Muammar Gaddafi, fl-2011. It-tmiem tal-gwerra ċivili fil-Libja fetaħ kapitlu ġdid diffiċli għall-pajjiż, fejn ikkrollat l-ekonomija filwaqt li nibet ‘baħħ’ politiku, fost l-iżvilupp tas-sistemi għat-traffikar tal-bnedmin li rriżultaw f’massa ta’ mwiet fost ir-refuġjati li qed jippruvaw jaqsmu l-Mediterran lejn l-Ewropa.
//= $special ?>