#muscatgate Lokali

FILMAT: Muscat jibqa’ jippersisti li jiddefendi u jappoġġja lil Keith Schembri

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qed jibqa’ jippersisti li jiddefendi lil Keith Schembri anke jekk il-Maġistrat Aron Bugeja qal f’dikjarazzjoni mill-Qorti li hemm biżżejjed provi li ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, jitpoġġa taħt investigazzjoni kriminali.

Muscat kien qed iwieġeb għal mistoqsijiet tal-ġurnalisti fi tmiem żjara li għamel fil-Kappara, wieħed mill-ftit proġetti infrastruttural mibdija minn dan il-Gvern (b’fondi tal-Unjoni Ewropea) u li baqa’ ma tlestiex sax-xoljiment tal-Parlament.

Fir-rapport tal-inkjesta, il-Maġistrat Aaron Bugeja qal hekk: “Il-Maġistrat sottofirmat jidhirlu li mill-fatti preżentati lilu f’dan l-istadju, jirriżulta li ġew sodisfatti l-prerekwiżiti meħtieġa sabiex issir investigazzjoni dwar l-in-genere fir-rigward tal-fatti allegati fir-rikors promotur relattivament għar-reati denunzjati fil-konfront ta’ Keith Schembri u Brian Tonna kif imsemmi fir-rikors”.

Fi kliem aktar sempliċi, din is-sentenza tfisser li l-provi li ressaq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil huma biżżejjed biex il-każ ta’ €100,000 f’tixħim ikun investigat kriminalment minn maġistrat ieħor apposta.

Imma fir-risposti tiegħu, il-Prim Ministru injora dan kollu u ċaħad li Keith Schembri se jkun investigat kriminalment, għax skont hu, il-Maġistrat talab investigazzjoni “in genere”. Imma jekk wieħed iħares lejn il-Kodiċi Kriminali jinduna li l-inkjesti in genere huma regolati permezz ta’ Artiklu 546.

Il-Maġistrat Aaron Bugeja seta’ faċilment jinjora l-provi li ressaq Simon Busuttil, madanakollu dan ma seħħx, tant li l-Maġistrat qal li ġew sodisfatti r-rekwiżiti kollha biex il-każ ikun investigat minn Maġistrat differenti, bil-possibiltà li Keith Schembri u Brian Tonna jitressqu l-Qorti taħt akkużi kriminali. Dan ifisser li qabelxejn, kemm Schembri kif ukoll Tonna, se jkunu soġġetti għal investigazzjoni kriminali minn Maġistrat li mistenni jitla’ bil-polza nhar it-Tnejn.