#muscatgate Elezzjoni 2017 Lokali

Forza Nazzjonali li trid tara lil min jabbuża mit-tmexxija jitwarrab

Il-Viċi Kap tal-Partit Demokratiku, Anthony Buttigieg, qal li l-koalizzjoni li welldet il-Forza Nazzjonali hi riżultat ta’ diskussjonijiet biex ikun hemm forza li trid tara lil min jabbuża mit-tmexxija jitwarrab.

Meta tkellem fl-attività organizzata mill-Partit Nazzjonalista fin-Naxxar bħala parti mill-kampanja għell-elezzjoni tat-3 ta’ Ġunju, Anthony Buttigieg qal li jieħu gost jisma’ lil Simon Busuttil jitkellem fuq governanza tajba. Il-Partit Demokratiku twieled meta faqqa’ l-iskandlu tal-Panama Papers.
Hu spjega waqt l-intervent li għamel fl-istess attività li fiha kien qed jiġi intervistat il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, li Marlene Farrugia riedet tara li jkun hawn forza li tiġġieled il-korruzzjoni li saret evidenti. Grupp ta’ persuni ħassew li kellhom jingħaqdu ma’ Marlene Farrugia biex ma jħallux li l-ħażin ikompli jikber.

Anthony Buttigieg qalet li meta ssemmiet il-possibbiltà ta’ koalizzjoni kontra l-korruzzjoni, Marlene Farrugia talbet il-parir tal-membri l-oħra biex ikun hemm diskussjonijiet ħalli huma wkoll ikunu parti minn din il-forza nazzjonali.

Il-Viċi Kap tal-PD qal li l-għaqda fil-forza nazzjonali mhix sitwazzjoni fejn partit kbir qed jibla’ partit żgħir. Hi għaqda riżultat ta’ diskussjonijiet biex ikun hemm forza li trid tara lil min jabbuża mit-tmexxija jitwarrab.