Iż-żewġ kandidati li qed jikkuntestaw l-aħħar fażi tal-elezzjoni għall-Presidenza Franċiża għamlu l-aħħar appelli lill-elettorat qabel it-tmiem tal-kampanji rispettivi. Sadanittant, il-poplu fi Franza qed iħejji biex, nhar il-Ħadd, jivvota f’waħda mill-aktar elezzjonijiet kruċjali fl-istorja moderna ta’ pajjiżhom.
Il-kandidat Emmanel Macron, politiku taċ-ċentru li jidher li għandu vantaġġ sostanzjali fuq ir-rivali, Marine Le Pen,żar il-belt ta’ Rodez, filwaqt li Le Pen, li hi l-kandidat tal-Partit tal-Front Nazzjonali estremista, iltaqgħet mar-rappreżentanti ta’ trade union tal-pulizija qabel żaret il-Kattidral ta’ Reims.
Meta kienet f’Reims, Le Pen kienet suġġetta għad-disprezz ta’ folla li nġabret fl-inħawi u fejn id-dimostranti – li bdew jgħajjtu slogans ostili fil-konfront tagħha – kienu jinkludu studenti u sostenituri ta’ Macron.
Sadanittant, Emmanuel Macron qal li diġà ddeċieda min se jkun il-Prim Ministru tiegħu ‘f’każ li jkun elett President ta’ Franza’. Macron kompla li l-persuna magħżulha stess ma tafx b’dan, u li l-Prim Ministru tiegħu ‘irid jirrifletti l-ispirtu tat-tiġdid li hu ( Macron) qed jipprova jkattar fil-pajjiż’.
Min-naħa tagħha, Le Pen – li warrbet, temporanjament, mit-tmexxija tal-Front Nazzjonali biex tikkuntesta għall-Presidenza fuq programm nazzjonali – diġà ħabbret li, f’każ li tkun eletta, għandha tagħżel lill-kollega, Nicolas Dupont-Aignan, bħala Prim Ministru. Dan meta hi qalet, illum, li Macron hu ‘kandidat perikoluż’ għal Franza waqt li wissiet li d-deċiżjonijiet tar-rivali ‘għandhom iwasslu għal Franza mifruda kif ukoll għal qerda fuq livell soċjali’.
Ir-rivalità bejn Macron u Le Pen qed tinkludi element ta’ animosità personali, b’Macron iressaq kawża fil-qorti kontra Le Pen b’konnessjoni ma’ għajdut espressi fuq l-Internet fis-sens li hu għandu kont bankarju sigriet fil-Karibew. Emmanuel Macron qed jiċħad bil-qawwi din l-allegazzjoni li rreferiet għaliha ukoll Marine Le Pen waqt id-dibattitu televiżiv jaħraq ta’ nhar l-Erbgħa bejnha u r-rivali taċ-ċentru.
Fl-aħħar sigħat, stħarriġ ta’ opinjoni partikulari għall-BFMTV u L’Express indika li l-appoġġ għal Macron kien tela’ għal 62 fil-mija fost il-Franċiżi li ddeċidew kif għandhom jivvutaw għada, kontra t-38 fil-mija tal-Franċiżi li qegħdin jappoġġjaw lil Le Pen.
//= $special ?>