Elezzjoni 2017 Lokali

L-Università tgħid li mhux se tmexxi eżamijiet minħabba l-elezzjoni

Ritratt: Arkivji

L-Università ħabbret li mhux se tmexxi eżamijiet minħabba l-elezzjoni. Din id-deċiżjoni tħabbret mal-media ftit tal-ħin ilu.

“Wara laqgħa li saret ma’ rappreżentanti tal-KSU, l-Università kienet infurmata li minn stħarriġ li sar minn numru ta’ għaqdiet tal-istudenti, ħareġ biċ-ċar li l-maġġoranza tal-istudenti ma jaqblux li għandu jkun hemm ċaqlieq ta’ dati tal-eżamijiet”, qalet l-Università fi stqarrija.

Madanakollu, żiedet tgħid li dawk l-istudenti universitarji li se jkunu impenjati b’mod dirett fil-kampanja elettorali u li għalhekk ma jkunux jistgħu jagħmlu xi eżami li jsir fit-3, 5 u 6 ta’ Ġunju, sabiex ikunu jistgħu jagħmlu dawk l-eżamijiet fis-sessjoni ta’ Settembru.

B’hekk, l-eżamijiet kollha fl-Università ta’ Malta, fil-Junior College u dawk tal-MATSEC fil-livelli kollha jsiru kif kien ippjanat skont l-iskeda oriġinali.

L-Università qalet li għamlet l-arranġamenti neċessarji mal-Kummissjoni Elettorali sabiex dawk l-iskejjel li se jintużaw bħala ċentri tal-eżamijiet tal-MATSEC ma jintużawx bħala postijiet ta’ votazzjoni.

L-Università qalet ukoll li intant, nhar it-Tnejn 5 ta’ Ġunju, se jkun hemm kontrolli sabiex studenti u ħaddiema tal-Università biss jidħlu bil-karozzi fl-Università. “B’hekk it-traffiku jimxi aħjar u ma jkunx hemm dewmien bla bżonn”, tkompli tgħid l-istqarrija.

“Barra minhekk l-Università ħasbet sabiex il-Librerija u faċilitajiet oħra ewlenin jinfetħu fis-7.00am sabiex dawk l-istudenti li jaslu kmieni fuq il-Kampus ikunu moqdija sew” ittemm tgħid l-Università fl-istqarrija.