#muscatgate Lokali

THEDDID: Marlene Farrugia mhedda b’ħajjitha

L-eks Deputat Marlene Farrugia ġie mhedda b’ħajjitha, skont ‘post’ miktub fuq Facebook mid-Deputat Godfrey Farrugia, li qal li se jkun qed jagħmel rapport lill-Pulizija bit-tama li jsib “il-protezzjoni mistħoqqa”.

“Jekk xi ras sħuna taħseb li għandha l-jedd li thedded lis-sieħba, Marlene, b’ħajjitha (bħal ma pereżmpju għamel il-fake profile ta’ Mario Baldacchino u oħrajn) għax bi dritt, tesprimi fehmitha, bħala ċittadin u mexxej ta’ partit politiku, se jgħarralkom” kiteb Godfrey Farrugia fuq Facebook.

“Aħna ngħixu f’pajjiż fejn id-dritt fundamentali tal-bniedem għall-fehma, għall-espressjoni u għall-assoċjazzjoni huma fundamentali u fejn ir-rule of law suppost tirrenja”, żied jgħid.

“Aħna parti mill-Ewropa fejn id-demokrazija hi t-tarka tal-libertà u l-ħelsien vera”, temm jgħid Farrugia, li ddeskriva dan l-għemil bħala “kodard”.

Min-naħa tiegħu, fil-bidu ta’ konferenza tal-aħbarijiet fl-Isla dalgħodu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil ikkundanna dan it-theddid u qal li jittama li Marlene Farrugia ssib il-protezzjoni kollha tal-Pulizija.