Sport Sport Ieħor

Valletta SC jirbħu l-FISTF Grand Prix għas-sitt sena konsekuttiva

It-tim ta' Valletta Subbuteo Club li rebaħ il-Grand Prix tal-FISTF

Fi tmiem il-ġimgħa ġew organizzati żewġ kompetizzjonijiet internazzjonali tat-Table Football f’pajjiżna. Valletta Subbuteo Club kisbu s-sitt unur fil-kompetizzjoni li taqa’ taħt l-awspiċju tal-federazzjoni dinjija tat-table football. It-tim Belti kien magħmul mill-captain Derek Conti, Samuel Bartolo, Roderick Vassallo, Joseph Borg Bonaci, Jason Pisani u t-Taljan Massimiliano Nastasi.

Bormla Subbuteo Club spiċċaw fit-tieni post filwaqt li Messina temmew it-tielet. Il-Belġjani ta’ Stembert u Valletta Lions, spiċċaw fir-raba’ u l-ħames post rispettivament.

Fil-kompetizzjoni prinċipali tal-International Open, kien it-Taljan Massimiliano Nastasi li ħareġ rebbieħ wara li għeleb lil Derek Conti 7-4. Iż-żewġ semifinalisti kienu l-Belġjan Sebastian Scheen u t-Taljan Saverio Bari. Jason Pisani rebaħ il-kompetizzjoni tal-veterani wara li f’logħba sabiħa għeleb lil Charles Aquilina 4-3, b’Joseph Mifsud u Mario Camilleri jaslu sas-semifinali.

It-Taljan Alessandro Natoli rebaħ il-kategorija ta’ taħt id-19-il sena wara li għeleb lil Jamie Bonnici 5-1, b’tal-aħħar jirbaħ il-kategorija ta’ taħt il-15-il sena b’differenza ta’ gowls aħjar minn Riccardo Natoli.

Mill-kompetizzjonijiet tal-Grand Prix, Massimiliano Nastasi rebaħ ukoll il-kompetizzjoni meta din id-darba fil-finali għeleb lil Angelo Borg 2-1. Samuel Bartolo u Saverio Bari waslu sas-semifinali. Mario Camilleri rebaħ il-kategorija tal-veterani wara l-għoti tal-penalties kontra Jason Pisani.

Il-plejer promettenti Jurgen Balzan rebaħ il-kategorija ta’ taħt id-19-il sena, wara li għeleb lil Alessandro Natoli 1-0. Iżda Natoli kiseb it-titlu ta’ taħt il-15-il sena meta għeleb lil Jamie Bonnici  b’differenza tal-gowls.