Lokali Qorti

Il-Qorti twaqqaf il-proċess ta’ promozzjonijiet ta’ Assistenti Kummissarji fil-Pulizija

Il-Qorti waqqfet il-proċess ta’ promozzjonijiet għal Assistenti Kummissarji fil-Korp tal-Pulizija wara li laqgħat proviżorjament talba għal mandat ta’ inibizzjoni minn Supretendent tal-Pulizija.

Is-Supretendent Carmelo Bartolo allega li l-proċess kiser id-drittijiet fundamentali tiegħu għal smiegħ xieraq meta kien imċaħħad milli jippreżenta l-każ tiegħu bl-aħjar mod mill-Kummissjoni Għas-Servizz Pubbliku.

Il-każ imur lura għal Ottubru tas-sena li għaddiet meta nħarġet sejħa għal Assistenti Kummissarji. Fir-riżultati li tħabbru f’Jannar ta’ din is-sena, ir-rikorrenti ġie fil-15-il post minn 21 applikant fil-proċess tal-għażla li sar minn bord immexxi mill-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar.


Is-Supretendent Carmelo Bartolo

Kif inhu dritt tiegħu, is-Supretendent Bartolo ressaq petizzjoni quddiem il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku iżda iltaqa’ ma’ diversi intoppi u rregolaritajiet ta’ natura proċedurali u dan peress li l-istess Kummissjoni ma mxietx ma’ dak li trid il-liġi.

Waqt seduti sussegwenti, is-Supretendent Bartolo qal li ma ngħatax aċċess għar-rimarki tal-Bord tal-Għażla, breakdown tal-marki li ngħataw u ma tħalliex jippreżenta xhieda tiegħu. Dan ċaħħdu mid-dritt tiegħu għal smiegħ xieraq u mill-prinċipju ta’ equality of arms.

Ir-rikors ikompli li fuq talba tal-Ministru Carmelo Abela, inbidlu l-kriterji fejn l-esperjenza, bħala persentaġġ tal-marka finali, tniżżlet għal 10% u dan ippreġudika serjament l-esperjenza tal-esponent.

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili, preseduta mill-Imħallef Joseph R Micallef, laqgħet provviżorjament it-talba u ħarġet mandat ta’ inibizzjoni sabiex ma jkomplix il-proċess ta’ promozzjonijiet tal-Assistenti Kummissarji.

Ir-rikors kien iffirmat mill-Avukati Jason Azzopardi, Kris Busietta u Julian Farrugia.