Lokali

Ir-residenti ta’ Ħ’Attard u l-madwar b’petizzjoni kontra t-trakka f’Ta’ Qali

Residenti ta’ Ħ’Attard u l-madwar bdew petizzjoni onlajn kontra l-inkonvenjent li qed jgħidu li se jikkawża l-istorbju minn trakka li l-Gvern qed iwiegħed li tinbena f’Ta’ Qali.

Dan wara li l-gvern ilbieraħ, ħabta u sabta uża l-aħbarijiet tal-istazzjon nazzjonali biex iħabbar proġett li kien diġa wiegħed qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2013, imma baqa’ qatt ma sar.

B’reazzjoni, kemm l-Assoċjazzjoni Sport Muturi Karozzi (ASMK) kif ukoll il-Federazzjoni tal-Motorsport stqarrew li m’għandhomx informazzjoni dwar dan il-proġett jew iż-żona eżatt fejn għandha ssir it-trakka.

Bl-ASMK twissi li parti minn Ta’ Qali hemm żona diġa mwegħda għal proġett bi ftehim milħuq fl-2012, u allura fuq din l-art ma tistax issir trakka, il-Federazzjoni stqarret li tinsab sorpriża għaliex saret taf bl-aħbar mill-aħbarijiet.

Il-petizzjoni ngħatat l-isem ‘Petition against the proposal of building a race track in Ta Qali’.