L-Oppożizzjoni armata tas-Sirja kritikat bil-qawwi ftehim li fasslu r-Russja, l-Iran u t-Turkija għat-twaqqif ta’ zoni ‘li jtaffu l-intensità tal-konflitt’ qalb territorji Sirjani kontrollati mill-istess Oppożizzjoni.
Il-ftehim, issa, daħal fis-seħħ bħala l-aħħar tentattiv internazzjonali biex il-vjolenza tonqos fis-Sirja, meta l-pajjiż ilu s-snin f’morsa ta’ gwerra ċivili. Il-pjan, intant, hu l-ewwel li jippromwovi l-ħsieb għal preżenza ta’ osservaturi barranin armati fis-Sirja.
L-Istati Uniti mhix involuta f’dan il-ftehim partikulari dwar is-Sirja, b’diversi entitajiet Sirjani lanqas ma jiffirmaw għalih.
L-Oppożizzjoni Sirjana, fil-fatt, wieġbet li z-zoni tas-sigurtà indikati huma kollha ‘parti minn pjan biex jifred is-Sirja’, filwaqt li xliet il-proposti relatati bħala ‘illeġittimi’.
Wara li daħal fis-seħħ il-pjan kmieni dalgħodu, kien hemm rapporti limitati dwar bumbardamenti fl-inħawi ta’ Homs u Hama li mistennija jinkwadraw qalb iz-zoni tas-sigurtà speċifikati.
Intant, id-dettalji tal-pjan iridu jitfasslu fil-ġimgħat li jmiss, meta mhux ċar kif ftehim għal waqfien mill-ġlied u l-amministrazzjoni taz-zoni ‘għat-tnaqqis tal-konflitt’ se jkunu infurzati fl-inħawi li għad iridu jkunu determinati skont il-mapep li joħorġu.
Fl-istess ħin, uffiċjali Russi qalu li jrid jgħaddi, almenu, xahar, sakemm jitfasslu d-dettalji u jitwaqqfu l-hekk-imsejħa safe areas.
Il-pjan dwar is-Sirja – li hu l-frott ta’ ftehim elenkat waqt it-taħditiet li saru nhar il-Ħamis fil-Kazakhstan – għad jista’ jegħreq fost l-intoppi.
Dan minħabba l-kaos u konfużjoni li qed jiddominaw fl-artijiet tas-Sirja u meta ma jeżisti l-ebda mekkaniżmu ċar li jirrisolvi l-konflitt. Lanqas mhemm is-sistemi li jħarsu kontra abbużi għall-ftehim, l-istess bħalma kien il-każ waqt ftehim oħrajn preċedenti għas-Sirja li kienu jinvolvu lill-qawwiet rivali.
//= $special ?>


