Id-deċiżjoni tal-Maġistrat Aaron Bugeja li tinżamm inkjesta dwar il-każi ta’ tixħim u ħasil ta’ flus miċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u Brian Tonna saret għaliex wasal għall-konklużjoni li jeżistu fatti materjali li juru li sar reat.
Sostna dan, Roberto Montalto Avukat li jispeċjalizza fil-liġi kriminali f’kumenti waqt il-programm Kull Jum, imxandar fuq Net Television.
“Dan ifisser illi fil-fehma tal-Maġistrat Aaron Bugeja, l-informazzjoni li huwa rċieva fuq talba mressqu lilu minn Dr Simon Busuttil gie stabbilit li hemm il-fatti ta’ reat li għadhom jeżistu u konsegwentement, se tinżamm inkjesta biex dawn il-fatti materjali ta’ traċċi ta’ reati se jibqgħu preservati sabiex jekk jiġi stabbilit li sar reat, min għandu jwieġeb għalih jiġi proċessat skont il-liġi”
Tmint’ijiem ilu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon ressaq informazzjoni li kien irċieva lill-Maġistrat Aaron Bugeja. Liema informazzjoni kienet turi li Keith Schembri, iċ-Chief of Staff ta’ Joseph Muscat, ingħata żewġ pagamenti li jammontaw għal €100,000 bħala tixħim b’rabta mal-bejgħ ta’ passaporti Maltin lil tliet ċittadini Russi.
Il-pagament sar mill-kumpannija Willerby Inc. irreġistrata fil-British Virgin Islands u permezz tal-Panama Papers, kien żvelat li s-sid tagħha hu l-konsulent tal-Prim Ministru Brian Tonna. Il-pagamenti saru f’kontijiet f’ Pilatus Bank li jinsab fiċ-ċentru ta’ skandlu ta’ korruzzjoni u ħasil tal-flus, inkluż pagament ta’ iktar minn €1 miljun minn kumpannija ta’ bint il-mexxej tal-Azerbaijan Ilham Aliyev lill-kumpanija Egrant, li skont dokumenti li għandha whistleblower, il-benefiċjarju tagħha hi mart il-Prim Ministru.
L-Avukat Montalto spjega li l-inkjesta marret għand Maġistrat ieħor skont kif titlob il-liġi meta ir-rapport jew l-informazzjoni tasal mingħand persuna privata u mhux mill-Avukat Ġenerali jew mill-Pulizija. Dan sabiex jiġi evitat dak li jissejjaħ forum shopping, li jiġri meta persuna tipprova tressaq każ għand ġudikant partikolari għax taħseb li jista’ jiffavorieha.
Hu qal li mhux veru li l-Maġistrat Aaron Bugeja farfar mir-responsabbiltajiet tiegħu.
L-Avukat Montalto qal li l-Maġistrat għadda l-inkjesta għand Maġistrat ieħor skont kif titlob il-liġi iżda wkoll għaliex sab l-elementi meħtieġa biex l-inkjesta ssir.
L-Avukat Montalto qal ukoll li Maġistrat li jirċievi rapport ma jagħmilx rubber stamp u jgħaddih lil ħaddieħor iżda jiddeċiedi jekk hemmx lok ta’ inkjesta jew le.
//= $special ?>