Elezzjoni 2017 Lokali

Lorna Vassallo tiddikjara li mhux se toħroġ mal-PL – “politiku prominenti ħafna ħafna ħafna għajjarni b’mod isteriku”

L-eks kandidat għall-elezzjoni ġenerali tal-2013, Lorna Vassallo, iddikjarat li mhux se toħroġ għall-elezzjoni ġenerali li jmiss mal-Partit Laburista.

F’post fuq Facebook fejn tinstema’ dispjaċuta ħafna mit-trattament tal-istess partit li tħobb, Lorna Vassallo saħansitra ddikjarat li “sal-ġimgħa l-oħra politiku prominenti ħafna ħafna ħafna (mhux il-Prim Ministru) għajjarni b’mod isteriku għaliex ilmentajt mit-trattament tal-partit lejja.”

Qalet li t-trattament tal-Partit Laburista lejha kien prova li l-partit ma jridhiex u saħansitra qattgħet l-aħħar snin tidħol għax-xogħol filgħodu mingħajr xogħol x’tagħmel, u toħroġ mix-xogħol mingħajr ma tkun għamlet xejn.

“Dan huwa dak li jiġri lil persuna valida li tiġi skreditata għal xejn b’xejn. Dak li jiġri meta persuna ultra-kwalifikata tispiċċa tagħmel xogħol tal-‘A’ level jekk mhux inqas u tingħata impenji limitati. Għalkemm il-PM għeni diversi drabi qatt ma kien hemm biżżejjed volonta’ biex jafdali inkarigi li jimpenjawni iktar,” iddikjarat Lorna Vassallo.

Wara li ddikjarat li fl-aħħar snin saħansitra ppruvaw ituha transfer, kompliet li minkejja li tkellmet mal-Prim Ministru, bagħtet sensiela ta’ emails u saħansitra għamlet laqgħa ma’ Joseph Muscat, “deher li mhux talli ma jiftakarx x’kienu x-xewqat tiegħi waqt il-laqgħa talli ma jiftakarx x’kienu l-proposti tiegħu stess dakinhar.”

“Fil-każ personali tiegħi s-saqaf mhux talli huwa tal-ħġieġ imma tal-konkos. Huwa saqaf ta’ diskriminazzjoni li jidher. Naf li ma nista’ qatt nikkwalifika aktar biex navvanza. U naf li l-Gvern stess mhux se jħallini navvanza. La fil-politika u lanqas fil-karriera. Spiċċatli kull tama. Mhux għaliex l-għajn li nixrob minnha dardartha jien. Imma għaliex hija waħda mdardra,” tiddikjara Lorna Vassallo.

Tkompli: “L-istess Gvern li jiena tellajt u tant ħdimt għalih u l-istess Partit li qatt ma nista’ nibdel, huwa l-ikbar xkiel tiegħi matul l-istess karriera tiegħi – is-saqaf tal-konkos. Partit li ma jridnix personalment u li rrifjuta l-kontribut tiegħi b’kull mod possibbli.”

Filwaqt li tistqarr li tibqa’ leali lejn il-Partit Laburista, fl-elezzjoni ġenerali li jmiss hi mhix se tivvota “għax jien laburista ta’ veru u l-Partit Laburista huwa l-unika triq li tista’ twassal għall-ferħ tiegħi. Mill-gvern qatt ma tlabt flus. Tlabt biss rispett u rikonoxximent. U ma ħadthomx. Jekk il-Partit għadu ma għarafx dan f’nies bħali li ħadmu ġenwinament snin twal għall-Partit, allura għad baqagħlu wisq x’jitgħallem dwar l-obbligi morali lejn l-elettorat.”

B’hekk tiġi fi tmiemha karriera politika ta’  tmintax-il sena li matulhom Lorna kitbet fil-ġurnali mal-Partit u madwar tnejn u għoxrin sena oħra fejn ikkontestat għall-Kunsilli Lokali u l-elezzjoni ġenerali (ħdax-il sena minnhom elezzjoni ġenerali).