#muscatgate Lokali

Mhux veru li l-Avukat Ġenerali ma jistax jitlob investigazzjoni; Ara x’tgħid il-liġi

L-Avukat Ġenerali Peter Grech
L-Avukat Ġenerali ilu sena jaf bil-provi tal-każ ta' tixħim u ħasil ta' flus ta' Keith Schembri

Għall-kuntlarju tal-impressjoni li prova jagħti l-Avukat Ġenerali Peter Grech f’kummenti mal-gazzetta Times of Malta, mhux veru li l-Avukat Ġenerali ma jistax jitlob li tibda investigazzjoni.

Ma’ The Times, l-Avukat Ġenerali qal li “għandu jkun iċċarat li skont il-liġi u l-Kostituzzjoni tagħna, l-Avukat Ġenerali m’għandux il-poter li jibda investigazzjoni jew li jibda prosekuzzjoni ta’ xi ħadd”.

Iżda skont l-‘Att kontra Money Laundering’ (Kapitlu 373 tal-Liġijiet ta’ Malta), l-Avukat Ġenerali jista’ jitlob lill-Qorti Kriminali biex persuna titpoġġa taħt investigazzjoni meta din il-persuna tkun taħt suspett ta’ ħasil ta’ flus. Din il-possibilta’, miktuba bl-aktar mod ċar, tinsab f’Ariklu 4 tal-liġi ta’ kontra l-ħasil tal-flus.

Dan huwa x’jgħid dan l-artiklu:

Meta wara informazzjoni li tasallu, l-Avukat Ġenerali jkollu raġuni biżżejjed biex jissuspetta li persuna (hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejħa “il-persuna suspettata”) huwa ħati tar-reati msemmi fl-artikolu 3, huwa jista’ jitlob lill-Qorti Kriminali għal ordni (hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejjaħ “ordni ta’ investigazzjoni”) (…)

Ir-reat imsemmi fl-Artiklu 3 huwa r-reat ta’ ‘money laundering’, li skont l-istess liġi jġib miegħu sentenza ħabs ta’ massimu ta’ 18-il sena jew inkella multa li tista’ tlaħħaq iż-żewġ miljun ewro; jew inkella sentenza li tinkludi kemm priġunerija kif ukoll multa.

Kull persuna li tagħmel att ta’ money laundering tkun ħatja ta’ reat u teħel meta tinsab ħatja multa ta’ mhux iżjed minn żewġ miljuni u ħames mitt elf euro (€2,500,000), jew priġunerija għal żmien ta’ mhux iżjed minn tmintax-il sena, jew dik il-multa u priġunerija flimkien.

Għaldaqstant huwa ċar li l-liġi tagħti l-liberta’ kollha lill-Avukat Ġenerali li jitlob ordni ta’ investigazzjoni meta jkollu suspett li persuna tista’ tkun ħatja ta’ ħasil ta’ flus. The Times kienet żvelat li kemm l-Avukat Ġenerali kif ukoll il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar ilhom sena nfurmati li Keith Schembri rċieva tixħim minn kumpanija sigrieta ta’ Brian Tonna fil-British Virgin Islands. Skont l-istess rapporti ta’ The Times, kemm l-Avukat Ġenerali kif ukoll il-Kummissarju tal-Pulizija saħansitra ġew preżentati bil-provi neċessarji sena ilu.

Il-liġi kontra l-ħasil tal-flus kienet iddaħħlet minn Gvern Nazzjonalista biex tiġġieled kontra l-ħasil tal-flus, jiġifieri l-akkużi li qed jiġi akkużat bihom iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri.

Tant kemm ir-reat ta’ ħasil ta’ flus huwa meqjus bħala reat serju u gravi, li l-liġi ta’ kontra l-ħasil tal-flus hija l-unika liġi f’Malta li tagħmilha ċara li min jittella’ l-Qorti akkużat b’ħasil ta’ flus, irid iġib il-provi hu biex juri li mhuwiex ħati, u mhux bil-kontra.