Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, qed tipprova timminimizza l-aspettativa ta’ rebħa enormi għall-Partit Konservattiv tagħha fl-elezzjonijiet ġenerali tat-8 ta’ Ġunju. Dan wara li l-Konservattivi fil-Gvern għamlu kisbiet enormi fl-elezzjonijiet lokali ta’ nofs il-ġimgħa fir-Renju Unit.
May, li tmexxi l-Partit tat-Tories, mhix qed tagħmel ir-rebħa bħala ‘fatta’, minkejja l-indikazzjonijiet qawwija li hi, fi ftit jiem oħra, għandha tingħata mandat konvinċenti mill-elettorat. Sadanittant, hi qalet li ‘għandha tiġġieled għal kull vot’ fl-elezzjoni ġenerali biex tkun tista’ tidħol għan-negozjati (mal-Unjoni Ewropea) dwar il-Brexit f’pożizzjoni mill-aktar b’saħħitha.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Laburista Britanniku, Jeremy Corbyn, qed jammetti li l-partit tiegħu qed jikkonfronta sfida ‘fuq skala storika’ biex jirbaħ lura l-poter, iżda mhux jaqta’ qalbu li jista’ ‘jnaqqas id-distakk mat-Tories’.
Fl-aħħar elezzjonijiet lokali fir-Renju Unit, il-Konservattivi ta’ May rebħu 500 siġġu filwaqt li ħatfu kontroll ta’ 11 il-kunsill.
Din kienet l-aħjar wirja elettorali minn partit fil-Gvern ( fir-Renju Unit) għal dawn l-aħħar 40 sena, bil-kisbiet għall-Konservattivi jsiru għall-ispejjeż tal-Partit Laburista u l-Partit UKIP, li spiċċa bħala forza politika wara li tilef il-145 siġġijiet (kollha) tieħu fuq il-kunsilli.
Fl-istess ħin, il-Liberali Demokratiċi żiedu s-sehem tal-vot b’seba’ fil-mija, iżda, fl-istess ħin, spiċċaw jitilfu aktar minn 40 siġġu.
Il-Laburisti anki sofrew disfatta kbira fl-Iskozja waqt l-aħħar elezzjonijiet lokali, fejn spiċċaw it-tielet wara l-Konservattivi. Intant. is-Scottish National Party (SNP) ikkonvinċa bħala l-akbar partit fl-Iskozja anki jekk naqas milli jieħu l-kontroll ta’ xi kunsilli ta’ sinifikat speċifiku.
//= $special ?>

