Elezzjoni 2017 Lokali

Din mhix elezzjoni ta’ proposti imma ta’ prinċipju – Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista f’Ħal Balzan

Jekk ma qtajniex qalba meta konna 36,000 vot minn taħt, kif nistgħu naqtgħu qalbna issa meta wasalna magħhom u nistgħu ngħadduhom. Aħna ma naqtgħu qalbna qatt.

Din mhix elezzjoni ta’ proposti imma elezzjoni ta’ prinċipji. Din hi elezzjoni straordinarja li minnha se jiddependi l-futur tagħna fit-3 ta’ Ġunju. Il-proposti mill-Partit Nazzjonalista se jibqgħu joħorġu imma din mhix elezzjoni normali, imma hi elezzjoni ta’ prinċipji. L-għażla mhix bejn Joseph Muscat u Simon Busuttil, mhix bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista, imma l-għażla hi bejn Joseph Muscat u pajjiżna.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal dan waqt Mass Meeting tal-Partit li sar fi Triq il-Ferrovija l-Antika, f’Ħal Balzan li għalih attendeit folla kbira.

Fil-ftuh tad-diskors tiegħu, Simon Busuttil irringrazzja lill-folla li wieġebet għas-sejħa ta’ pajjiżna. Hu sellem lil eluf ta’ żgħażagħ u ħaddiema li attendew u li fuqhom hi mibnija l-ekonomija, sellem lil istudenti li bħalissa għaddejjin mill-perijodu tal-eżamijiet tagħhom u anke rringrazzja nake lill-kelliema Pia Zammit u Bernard Grech li m’humiex fil-politika, imma tkellmu bħala ċittadini.

Simon Busuttil qal li għaddiet l-ewwel ġimgħa tal-kampanja elettorali ta’ din l-elezzjoni straordinarja li issa baqagħla biss erba’ ġimgħat. Qal li ħafna staqsew għaliex il-Gvern li tela’ b’maġġoranza daqshekk kbira, m’għamilx ħames snin fil-Gvern? Għaliex qed issir elezzjoni bikrija? Hu qal li hu importanti li nifhmu għaliex issejħet elezzjoni bikrija bil-fatti.

Simon Busuttil qal li l-ewwel fatt hu li l-Prim Ministru jinsab taħt investigazzjoni kriminali u minflok ma irriżenja u telaq mill-poltika, sejjaħ elezzjoni u waqqa’ kollox miegħu.

Hu fatt li Joseph Muscat żamm miegħu lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi minkejja  li ilu jaf li dawn inqabdu b’kumpanija sigrieta fil-Panama li l-unika raġuni tagħha hi l-korruzzjoni. Hu fatt li Keith Schembri inqabad jieħu flus b’korruzzjoni mill-bejgħ taċ-ċittadinanza u li Prim Ministru ilu erba’ snin idur mad-dinja biex ibiegħ iċ-ċittadinanza Maltija.

Simon Busuttil qal li hu fatt li l-Kummissajru tal-Pulizja ilu sena jaf b’dan u ma għamel xejn. Hu fatt ukoll li l-Avukat Ġenerali ilu sena jaf b’kollox u m’għamel xejn. Hu qal li mill-Ħadd filgħodu sirna nafu wkoll li dawn kienu investigati mhux biss korruzzjoni fuq il-bejgħ tal-passporti, imma wkoll fuq affarijiet oħra li sal-lum ma qalu xejn dwarhom

Simon Busuttil qal li dawn huma r-raġunijiet għala ssejħet elezzjoni, għax kif il-Prim Ministru ra li qed jegħreq fil-korruzzjoni, sejjaħ elezzjoni biex jipprova jsalva ġildu u jipprova jiskansa mir-responsabbiltà tiegħu billi jmur għal vot u jħassar kollox b’elezzjoni. Hu qal li l-Gvern ma għamel xejn dwar il-korruzzjoni. Il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali li ilhom sena jafu b’dawn il-każi ta’ korruzzjoni u m’għamlu xejn. L-MFSA ilha sena taf bil-korruzzjoni u ma għamlet xejn. “Jista’ xi ħadd jagħmel xi ħaġa, inthom qed titħallsu mit-taxxi tagħna lkoll” qal Simon Busuttil.

Simon Busuttil qal li dan ifisser li dawn iridu jirbħu l-elezzjoni akkost  ta’ kollox biex jippruvaw jeħilsu mill-ġustizzja.

“Min suppost qiegħed hemm biex issir ġustizzja, qiegħed ikompli magħhom u din hi r-raġuni li ssejħet l-elezzjoni ġenerali” qal Simon Busuttil. Hu qal li l-unika karta li baqagħlu l-poplu Malti biex isalva s-sitwazzjoni hi l-karta tal-vot, l-elezzjoni ġenerali biex “dak li m’għamilx Joseph Muscat u li m’għamlux il-Kummisarju tal-Pulizja u l-Avukat Ġenerali,  dak li suppost sar, se tagħmluh inthom kollha bil-vot tagħkom”.

 

Il-Kap tal-PN qal li hu jitkellem fuq il-korruzzjoni għax tagħtih ġewwa. Hu qal li kull partit jagħmel il-proposti tiegħu, imma biex dar tkun tista’ tibqa tgħix fiha, trid tkun mibnija fuq pedamenti sodi u din id-dar tagħna jisimha Malta. Qal li għalhekk jitkellem fuq dak li hu fundamentali għax irid li l-pedament tad-dar ikun u sodi. “Ħaddieħor bena kastell suppost b’saħħtu, imma issa sirna nafu li dan ma kellux pedmanti sodi u llum jew għadha dar mhux fuq pedmanti sodi tikkrolla” sostna Simon Busuttil.

Simon Busuttil qal li fost il-proposti kollha, l-ikbar wegħda tiegħu hi li nnaddfu s-sistema politika ta’ pajjiżna darba għal dejjem biex dak li qed jiġri llum ma jerġa’ jiġri qatt u qatt iktar.

Hu qal li mal-ġurament tal-ħatra ta’ Gvern ġdid Nazzjonalista jaħatar Kummissarju tal-Pulizija ġdid biex jagħti fiduċja fil-Korp tal-Pulizija u biex jibda jinvestiga l-każi kollha ta’ korruzzjoni biex issir il-ġustizzja u l-ħaqq ma min ħaqqu. Gvern ġdid Nazzjonalista jibda biex jirranġa r-reputazzjoni ta’ Malta u fl-għeluq tal-Presidenza ta’ Malta ngħidu lil Ewropa li qegħdin hawn biex nerġgħu nagħtu ġieħ lil pajjiżna.Simon Busuttil qal li se jinħatru nies serji biex imexxu lill-istituzzjoni biex ikunu għas-servizz tal-poplu u dawn jinħatru bi qbil ta’ żewġ terzi tal-Parlament biex ikollhom il-fiduċja u jkunu għas-servizz ta’ kulħadd. Dawn jinkludu lill-Pulzija, il-Kummissjoni Elettorali, l-Awtorità tax-Xandir u l-Avukat Ġenerali.

“Se naraw li l-Ministru li ħadu responsabbiltá biex iservu lin-nies, iġibu rispett lin-nies u mhux min moħħu fil-Panama u min moħħu f’Acapulko. Min mhux lest jimxi kif imiss, se jsib lili li ngħidlu postu mhux magħna. Kull min lest jifforma parti minn Gvern immexxi minni, jrid jerfa’ r-responsabbiltà kollha għal kull ħaġa li jagħmel” qal Simon Busuttil fost iċ-ċapċip tal-folla.

Il-Kap tal-PN qal li se naraw li l-ekonomija tagħti opportunitajiet għal kulħadd, politika fejn ħadd ma jkollu bżonn lil xi politiku biex javvanza, ekonomija li minnha jgawdi kulħadd, mhux tlieta min nies korrotti f’Kastilja. Irid ekonomija li minnha jgawdu l-anzjani, igawdu l-pensjonanti, dawk li għandhom bżonn housing soċjali, dawk vulnerabbli, il-morda u dawn b’diżabbiltà.  Ekonomija li tgħin lil kull ċittadfin li jħoss li Malta hi tiegħu ukoll” qal Simon Busuttil.

Hu qal li se naħdmu biex intejbu l-kwalità tal-ħajja tagħna b’aktar investiment fl-edukazzjoni, fis-saħħam, fl-isport, fil-faċilitajiet, fl-infrastruutra, fit-toroq, fit-traffiku biex insolvu l-problema tat-traffiku u aktar investiment fl-ambjent. Hu qal li “minn għadha se nkomplu noħorġu aktar proposti biex nuru lil kulħadd x’inhuma l-proposti tagħna”. Simon Busuttil qal li din mhix kompetizzjoni ta’ proposti bejn żewġ naħat. Kull partit kapaċi jwiegħed kollox lil kulħadd, imma din hi elezzjoni dwar prinċipji dwar dak li temmen fih.

Simon Busuttil qal li “l-ebda proposta ma tista’ tbiddel l-iktar prinċipju fundamentali tal-onestà, dan hu prinċipju li Joseph Muscat ma jistax iwiegħdu, imma l-onestà hi xi ħaġa li aħna nistgħu inwiegħdu u nistgħu inwettqu.”

Hu qal li nafu li bħalissa qed issir kampnja enormi ta’ xiri ta’ voti, ta’ promotions, qed jingħata kumpens lill-Pulizija, qed isiru ftehim kollettivi. Qal li l-messaġġ tiegħu għal dawk li qed jieħdu dawn l-affarijiet, hu li “kull ma hu tagħkom bi dritt ħuduħ u żommuh. Aħna ċerti li ħadd minnkhom mhu se jbigħ lil pajjiżna għax issa fl-aħħar mument taw lilkom dak li hu bi dritt u aħna se naraw li żżommuh” qal Simon Busuttil. Hu kompla, “Aħna se naraw li ssir ġustizzja ma dawk li ma ħadux dak li hu tagħhom u li magħhom saret vendikazzjoni jew li ma saritx ġustizzja magħhom” qal Simon Busuttil.

Hu qal li nafu li qed issir kampanja ta’ biżà u aċċerta lin-nies li fejn tidħol ekonomija, f’idejn il-PN l-ekonomija hi f’idejn  sodi u l-PN minn dejjem żamm l-ekonomija b’saħħitha u saħħaħ l-ekonomija. Il-PN bena l-pedamenti tal-ekonmoija li qed ingawdu llum u l-PN fetaħ is-setturi li tant ħolqu eluf ta’ impjiegi fil-farmaċertika, fis-settur marittimu,  fis-servizzi finanzjarji, fil-gaming, fit-teknoloġija u fl-avjazzjoni u kif bnejna dawn is-setturi, kapaċi nibnu setturi oħrajn.

Simon Busuttil qal li hemm barra hemm numru ta’ ħaddiema li x-xogħol tagħhom qed jistenna d-deċiżjoni tat-3 ta’ Ġunju fosthom 22,000 ħaddiema fis-servizzi finanzjarji, fil-gaming u fit-teknoloġija. “Dawn qed jistennew li jaraw pajjiżna hux se jsalva r-reputazzjoni tiegħu. Bi gvern Nazzjonalsta ġdid biss dawn is-setturi jkomplu jikbru u jsaħħu l-ekonomija tagħna. Tħallu lil xejn ibeżżagħkom u m’għandna qatt nibżgħu sakemm qed nagħmlu dak li hu sewwa” sostna Simon Busuttil.

Simon Busuttil qal li, “nafu li t-triq hi waħda iebsa u hi muntanja li rridu negħlbu. Jekk ma qtajniex qalba meta konna 36,000 vot minn taħt, kif nistgħu naqtgħu qalbna issa meta wasalna magħhom u nistgħu ngħadduhom. Aħna ma naqtgħu qalba qatt,” sostna Simon Busuttil.

“Għax determinati li naslu anke għax nafu li nistgħu nistrieħu fuq l-entużjażmu u fuq il-motivazzjoni tal-poplu. Aħna nafu li se naslu għax għandna lilkom warajna. Nafu li m’għandniex il-miljuni li għandu Joseph Muscat li qed jagħmel il-billboards f’kull kantuniera, imma għandna xi ħaġa aqwa mill-flus, aħna għandna is-sewwa u nafu li qegħdin fuq in-naħa tas-sewwa u nafu li s-sewwa jirbaħ żgur”, sostna Simon Busuttil fost iċ-ċapċip tal-folla.

Hu talab lil kull wieħed u waħda minn dawk quddiemu biex mill-lum sal-Ħadd li ġej jitkellmu man-nies u jispjawlhom għaliex issejħet elezzjoni issa, għaliex din hi elezzjoni straordinarja li minnha se jiddependi l-futur tagħna fit-3 ta’ Ġunju.

Simon Busuttil qal li l-proposti mill-Partit Nazzjonalista se jibqgħu joħorġu imma din mhix elezzjoni normali, imma hi elezzjoni ta’ prinċipji. “Serrħu ras in-nies li magħna l-ekonomija tikber aktar għax meta tneħħi l-korruzzjoni l-ekonomija tikber aktar. L-għażla mhix bejn Joseph Muscat u Simon Busuttil, mhix bejn il-PN u l-PL imma l-għażla hi bejn Joseph Muscat u pajjiżna” saħaq Simon Busuttil.

Fi tmiem id-diskors tiegħu, Simon Busuttil appella lil kulħadd biex iwassal il-messaġġ u kulħadd jerfa’ parti mir-responsabbiltà għax jekk nerfgħu ir-responsabbiltà flimkien, l-ebda sfida ma tkun kbira biżżejjed biex negħlbuha. Simon Busuttil qal li għandu fiduċja li nistgħu naslu u se naslu, għax qal li għandu fiduċja kbira fil-poplu Malti u Għawdxi li meta jasal il-mument, kapaċi jaħseb b’moħħu u kapaċji jħobb il-bandietra bajda u ħamra li tgħaqqadna lkoll flimkien. Qal li għandu fiduċja li l-għaża bejn Joseph Muscat u Malta aħna nistgħu lkoll flimkien ngħidu, Jien nagħżel Malta.

 

Call Out:  jekk ma qtajniex qalba meta konna 36,000 vot minn taħt, kif nistgħu naqtgħu qalbna issa meta wasalna magħhom u nistgħu ngħadduhom. Aħna ma naqtgħu qalba qatt