Sport Sport Ieħor

Duncan Bezzina Champion ta’ Malta għat-tielet darba

Duncan Bezzina jirċievi t-trofew mingħand il-President tal-MBSA Frans Bugeja

Duncan Bezzina rebaħ il-kampjonat nazzjonali Premier tas-snooker wara li fil-finali għeleb lil Aaron Busuttil 6-4. Il-finali tat-tournament organizzat mill-Malta Billiards and Snooker Association, intlagħbet quddiem attendenza tajba fil-Każin tal-Banda La Vincitrice tal-Isla u kienet ikkontrollata mir-referee Ivan Pirotta.

Għal Bezzina, li proprju jilgħab mal-każin tal-Banda Li Vincitrice, kien it-tielet titlu tiegħu filwaqt li Busuttil li jilgħab mal-każin tal-Banda De Paule ta’ Raħal Ġdid, lagħab fl-ewwel finali tiegħu.

Il-finali kienet waħda missielta, biż-żewġ plejers jirbħu frame kull wieħed u baqgħu telgħin indaqs sat-tmien frame. Iżda Bezzina rebaħ id-disa’ u l-għaxar frame biex sar Champion ta’ Malta. L-aħjar breaks ta’ Bezzina kienu ta’ 65 punt fil-ħames frame u ċentinarju fis-seba’ frame.

Wara l-finali, il-President tal-Malta Billiards and Snooker Association Frans Bugeja ppreżenta t-trofej liż-żewġ plejers.

Riżultati tal-frames: (Bezzina l-ewwel): 15-81, 61-22, 5-60, 80-0, 82(65)-44, 23-62, 101(100)-26, 27-83, 66-20, 72-18.

Tags