Sport Waterpolo

Erba’ gowls ta’ Stevie Camilleri mhux biżżejjed għal Ortigia

Wirja tajba oħra minn Stevie Camilleri

SAVONA………….13

ORTIGIA………….12

(2-3), (5-2), (4-4), (2-3)

Erba’ gowls ta’ Stevie Camilleri ma kinux biżżejjed hekk kif it-tim li jilgħab magħhom Ortigia tilfu 13-12 kontra Savona f’partita sabiħa.

Savona ħadu vantaġġ darbtejn minn Ravina, iżda t-tieni gowl fil-logħba ta’ Massimo Giacoppo reġa ġab id-draw, biex Stevie Camilleri poġġa lil Ortigia fil-vantaġġ bl-ewwel gowl personali, minuta minn tmiem l-ewwel sessjoni.

Damjan Danilovic għamilhom 4-2 għal Ortigia fil-bidu tat-tieni sessjoni, iżda rimonta ta’ Savona wasslet biex f’anqas minn ħames minuti, Savona skorjaw ħames gowls mingħajr risposta, b’Di Luciano jnaqqas id-distakk għal żewġ gowls 24 sekonda minn tmiem is-sessjoni.

Stevie Camilleri kien protagonista għat-tim tiegħu wara l-mistrieħ, hekk kif skorja t-tieni gowl personali fil-bidu tat-tielet sessjoni biex id-distakk niżel għal gowl biss. Savona żammew il-vantaġġ u kabbruh għal tliet gowls, sakemm żewġ gowls ta’ Camilleri u Giacoppo għamlu l-iskor 10-9, iżda Milakovic għamel l-iskor 11-9 bl-aħħar xutt tas-sessjoni.

Savona dehru destinati għar-rebħa b’gowl ta’ Colombo sitt minuti mit-tmiem il-logħba, iżda rimonta ta’ Ortigia wasslet biex għamlu l-iskor 12-12, b’gowls minn Casasola, Stevie Camilleri minn penalty u Tringali. Savona skorjaw il-gowl tar-rebħa minuta mit-tmiem permezz ta’ Milakovic.

Kumment ta’ Stevie Camilleri: “Kienet logħba missielta u li kieku l-logħba spiċċaw fi draw kien ikun aktar ġust. Issa rridu niffukaw fuq l-aħħar logħba biex nassiguraw postna fl-A1.

Klassifika wara 25 logħba: Pro Recco 72 punt, AN Brescia 70 punt, Sport Management 61 punt, CN Posillipo 52 punt, CC Napoli 48 punt, RN Savona 38 punt, Pallanuoto Trieste 28 punt, Acquachiara 26 punt, Ortigia 23 punt, Torin 81 Iren 22 punt, Roma Vis Nova PN 21 punt, SS Lazio Nuoto 20 punt, Bogliasco 19-il punt, Genova Quinto 7 punti.

Fil-klassifika tal-aqwa skorers, Stevie Camilleri tela’ fis-17-il post b’total ta’ 37 gowl skorjat u b’hekk hu t-tieni l-aqwa skorer tat-tim tiegħu, b’Damjan Danilovic skorja żewġ gowls aktar minnu. Fil-lista tal-aqwa skorers hemm ukoll Christian Presciutti ta’ AN Brescia li s-sajf li ġej se jkun il-barrani ta’ Sirens, u li jinsab fl-għaxar post b’total ta’ 42 gowl. L-aqwa skorer tal-kampjonat hu Antonio Petkovic, plejer li fil-passat lagħab fil-kampjonat tas-sajf ma’ Sliema fejn skorja 66 gowl.