Lokali

Il-Partit Laburista jerġa’ jinqabad jigdeb dwar il-PN

Iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista - Mill-Arkivji

Il-Partit Laburista reġa’ nqabad jigdeb, din id-darba permezz ta’ Ian Borg u Owen Bonnici waqt konferenza tal-aħbarijiet, qal il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija.

Fil-gazzetta Laburista ‘Kullħadd’, ingħad li l-editur politiku ta’ Media.Link Communications John Zammit jitħallas minn fondi tal-Unjoni Ewropea, xi ħaġa li ġiet ripetuta waqt il-konferenza tal-aħbarijiet minn Owen Bonnici u Ian Borg.

Iżda fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li din hi gidba, għax John Zammit m’għadux jaħdem fl-Uffiċju tal-MEP Therese Comodini Cachia. Hu kien jaħdem għall-uffiċju ta’ Comodini Cachia bejn Lulju 2014 u Frar 2016, għal perjodu ta’ 20 xahar, fuq kuntratt approvat mill-Parlament Ewropew.

Intant, il-Partit Nazzjonalista għamel tlett mistoqsijiet li għadhom mingħajr risposta:

1) Għaliex Muscat kien jimpjega impjegat wieħed meta kien iservi bħala MEP? X’kien jagħmel bil-bqija tal-flus?
2) Għaliex l-accounts awditjati ma ġewx ippubblikati mill-MEPs kollha?
3) Għaliex MEPs ta’ leġislazzjonijiet oħra ma ppubblikawx l-accounts awditjati tagħhom?

Il-Partit Nazzjonalista qal li dan huwa attentat fallut mill-Partit Laburista biex jiddevja l-attenzjoni mill-iskandli ta’ Joseph Muscat, ta’ Konrad Mizzi u ta’ Keith Schembri. Bejn Muscat u Malta, in-nies se jagħżlu Malta, temm jgħid il-Partit Nazzjonalista.