Internazzjonali

Il-Presidenza ta’ Franza: Il-poplu jagħżel lil Macron

Il-kandidat taċ-ċentru, Emmanuel Macron, kiseb rebħa deċiżiva fit-tieni round tal-elezzjoni għall-Presidenza Franċiża,  fejn –  skont l-ewwel riżultati li għadhom ħarġu  — irnexxielu jegħleb lir-rivali estremista tal-lemin, Marine Le Pen, wara kampanja mill-aktar taħraq u missielta.

Il-marġni tar-rebħa qed tidher pjuttost kbira – b’Macron jikseb 65 fil-mija kontra l-35 fil-mija għal Le Pen – u bir-riżultat ifisser li hu, fl-età ta’ 39 sena, għandu jkun l-iżgħar President fl-istorja ta’ Franza.

L-indikazzjonijiet huma li Macron, issa, se jikteb l-istorja bħala l-ewwel President Franċiż mhux affiljat maż-żewġ partiti kbar tradizzjonali – ir-Repubblikani u s-Soċjalisti – mindu twaqqfet ir-Repubblika ta’ Franza moderna, fl-1958.

L-ewwel reazzjoni mill-osservaturi kienet dwar rebħa li tfisser ‘l-akbar storja ta’ suċċess għal kandidat ( Macron) li tliet snin ilu kien relattivament isem anonimu’. Intant, hu minnu li Emmanuel Macron – permezz tal-moviment politiku ġdid li waqqaf bl-isem En Marche – issupera bil-kbir lir-rivali ferm aktar magħrufin u li ilhom is-snin bl-għeruq sodi fil-politika.

L-għażla tal-kandidat rebbieħ kienet partikularment importanti minħabba l-effett għall-proġetti futuri tal-Unjoni Ewropea li għandha lil Franza bħala membru prominenti u attiv.

Filwaqt li Emmanuel Macron jemmen bis-sħiħ fl-għaqda u l-integrazzjoni tal-Ewropa, Marine Le Pen kienet wiegħdet, fost oħrajn, biex tirrevedi l-fruntieri ta’ Franza f’każ li hi kellha tkun eletta President.

L-ewwel indikazzjonijiet mill-elezzjoni ngħataw ftit wara li għalqu l-aħħar postijiet tal-votazzjoni fl-ibliet prinċipali Franċiżi. It-tieni round tal-elezzjoni għall-Presidenza Franċiża kien karatterizzat ukoll minn sigurtà kbira meta ‘il fuq minn 50,000 pulizija armati baqgħu jagħmlu r-ronda madwar l-aktar zoni sensittivi fil-pajjiż.

Tul il-kampanja, Macron u Le Pen appellaw lil tipi differenti ta’ votanti, filwaqt li komplew jippromwovu viżjonijiet kompletament diversi . Filwaqt li  Macron baqa’ jsostni l-importanza tal-Unjoni Ewropea, Le Pan mexxiet kampanjan intensiva kontra l-immigrazzjoni taħt is-slogan ta’ ‘Franza l-Ewwel’.

Fl-istess ħin, Le Pen wiegħdet li,  f’każ ta’ rebħa, hi kienet lesta biex tagħti lill-Franċiżi  referendum dwar l-isħubija ta’ Franza fl-UE; b’dan iqanqal it-tħassib partikulari fost l-osservaturi fi Brussell.

Iż-żewġ kandidati, aktar kmieni llum, kienu f’inħawi rispettivi lejn it-Tramuntana ta’ Franza, b’Macron imur jivvota qrib id-dar tiegħu fl-inħawi ta’ Le Touque, waqt li  Marine Le Pen ivvutat fil-belt ta’ Henin-Beaumont ,li hi fortizza tal-Front Nazzjonali.