Ir-rapport li ilu moħbi sena mill-awtoritajiet ġie żvelat u ppubblikat mill-gazzetta Times of Malta, bl-istess gazzetta tikkonferma li ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, jinsab akkużat bi kriminalità ta’ ħasil ta’ flus u tixħim.
L-investigazzjoni, li saret minn grupp ta’ investigaturi tal-aġenzija Maltija ta’ kontra l-frodi (FIAU), sabet li Keith Schembri kien irċieva €100,000 f’żewġ transazzjonijiet separati minn kumpanija sigrieta fil-British Virgin Islands bl-isem ‘Willerby’ ta’ Brian Tonna.
Skont ir-rapport tal-FIAU, il-kont bankarju ta’ Willerby u l-kont bankarju ta’ Keith Schembri ma’ Pilatus infetħu apposta għal dawn it-transazzjonijiet. Filfatt, The Times tirrapporta wkoll li r-rapport tal-FIAU jgħid li l-kont bankarju ta’ Keith Schembri ma’ Pilatus bilkemm intuża, ħlief għal dawn iż-żewġ transazzjonijiet.
Kull bank huwa fid-dmir li jirrapporta lill-FIAU meta jsiru transazzjonijiet suspettużi, bħal dawn iż-żewġ transazzjonijiet li jammontaw għal €100,000. Madanakollu, f’dan il-każ, Pilatus Bank kiser il-liġi u naqas milli jagħmel hekk.
Ir-rapport tal-FIAU sab ukoll li hemm rabtiet qawwija bejn Keith Schembri u sid Pilatus Bank Sajed Ali Sadr Hasheminejad; kif ukoll rabtiet bejn Keith Schembri u l-MFSA, li ħarġet il-liċenzja għal Pilatus Bank fl-2013. Filfatt, jirriżulta, li l-liċenzja għal Pilatus Bank ħarġet wara “interess personali” li Keith Schembri ħa fil-proċess.
Skont l-FIAU, ir-raġuni li l-flus għaddew għand Keith Schembri minħabba ‘loan’, tista’ tkun biss skuża, tant li l-FIAU qal li din tista’ tkun ‘bogus loan’ – skuża li ħafna jġibu meta jaħslu l-flus.
Ir-rapport tal-FIAU, żvelat għall-ewwel darba minn The Times, jikkonferma dak kollu li qal il-Kap tal-PN Simon Busuttil
Għalkemm The Times qed jippubblikaw għall-ewwel darba siltiet sħaħ mir-rapport tal-FIAU, kien il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil li l-ġimgħa li għaddiet żvela għall-ewwel darba dan il-każ ta’ tixħim u ħasil tal-flus, meta kien sejjaħ ukoll għall-arrest u l-prosekuzzjoni ta’ Keith Schembri.
It-tixħim li rċieva Keith Schembri oriġinaw minn bejgħ ta’ passaporti Maltin minn Brian Tonna lil tlett persuni ta’ nazzjonalità Russa. Għal dan il-bejgħ, Brian Tonna rċieva €166.831 f’commissions, li għaddew fil-kont bankarju ta’ ‘Willerby’ ma’ Pilatus Bank. Kien minn dan il-kont bankarju li għaddiet is-somma ta’ €100,000 għall-kont bankarju ta’ Keith Schembri.
Ir-rapport tal-FIAU ilu moħbi sena sħiħa
L-FIAU kienet bdiet tinvestiga aktar minn sena ilu, malli faqqa’ l-iskandlu tal-Panama Papers. Kien fil-Panama Papers li kien ġie żvelat li l-kumpanija ‘Willerby’ hija ta’ Brian Tonna.
Malli r-rapport tal-FIAU tlesta, dan kien għadda għand il-Kummissarju tal-Pulizija ta’ dak iż-żmien Michael Cassar fis-7 ta’ April 2016. Madanakollu, Cassar minnufih irriżenja mill-Korp tal-Pulizija. Warajh, il-Gvern kien laħħaq lil Lawrence Cutajar bħala Kummissarju tal-Pulizija.
Skont il-liġi, l-FIAU hija obbligata li tgħaddi r-rapporti tagħha lill-Pulizija jekk issib suspetti ta’ kriminalità. Madanakollu, għal din l-aħħar sena, il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar żamm ir-rapport tal-FIAU moħbi u sigriet. Jirriżulta li anke l-Avukat Ġenerali Peter Grech kien jaf b’dan ir-rapport u ma talabx li ssir investigazzjoni, kif għandu l-jedd li jgħamel skont il-liġi ta’ kontra l-ħasil tal-flus.
Muscat jibqa’ jiddefendi lil Schembri
Sadanittant, fl-aħħar jiem, il-Prim Ministru Joseph Muscat baqa’ jiddefendi liċ-Chief of Staff tiegħu, Keith Schembri, minkejja li hemm iswed fuq l-abjad miktub li Schembri qed ikun akkużat bi kriminalità ta’ ħasil ta’ flus u tixħim.
//= $special ?>