#muscatgate Lokali

Pajjiżna jinsab fid-dlam u wasal iż-żmien li nixegħlu pajjiżna bil-fjamma tas-sewwa – L-Avukat Bernard Grech

“Ejjew nixegħlu pajjiżna mid-dalma li qiegħed fih. Ejjew ngħaddu l-fjamma tas-sewwa ħa titwieled Malta ġdida. Ejjew nagħżlu Malta.”

Dan iddikjarah l-Avukat Bernard Grech meta kien qed jindirizza l-mass meeting li l-Partit Nazzjonalista organizza lbieraħ f’Ħal Balzan.

Bernard Grech qal li wara 30 sena nixorbu l-kultura ta’ ‘Ilkoll Aħwa Maltin’ erġajna qed nesperjenzaw klima li fiha ħafna persuni mhux iħossuhom jesprimu ruħhom partikolarment fuq il-midja soċjali.

Bernard Grech tkellem dwar il-kriżi istituzzjonalizzata li hawn f’pajjiżna fejn l-istituzzjonijiet, minflok jipproteġu s-sewwa u lill-poplu, qed jagħżlu li jipproteġu lill-Prim Ministru u lill-klikka korrotta tiegħu. Huwa fakkar kif il-Pulizija, l-Avukat Ġenerali u l-MFSA baqgħu siekta quddiem din il-kriżi ta’ korruzzjoni li għaddej minnha pajjiżna.

Bernard Grech qal li rridu noħorġu lil dan il-pajjiż mid-dalma li qiegħed fih.

“Irridu nixegħlu l-Korp tal-Pulizija, indawlu l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, insaħħu l-qrati, nagħtu rwol ġdid lill-President ta’ Malta u neħilsu lill-istazzjon nazzjonali, lid-Dipartiment tal-Informazzjoni u l-Awtorita tax-Xandir mill-ħakma tal-partiti.”

Bernard Grech tkellem dwar il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u rrefera għalih bħala r-raġel onest li għaraf minn kmieni li pajjiżna jinħtieġ tmexxija onesta għax il-korruzzjoni qed tagħmel ħsara lill-poplu u lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.

Huwa qal li l-mewġa tat-tajjeb qed tgħolli rasha u kull ġurnata iktar persuni qed jindunaw fejn qed tħabbat il-qalb ta’ pajjiżna.

Matul id-diskors tiegħu Bernard Grech żvela li hu għandu informazzjoni li sidien barranin ta’ kumpaniji Maltin qed jagħtu struzzjonijiet lill-banek Maltin biex jagħlqu l-kontijiet tal-banek.

Fi tmiem id-diskors tiegħu Bernard Grech qal li b’għafsa ta’ qalb mhuwiex se jikkontesta l-elezzjoni, iżda se jibqa’ jipparteċipa fi programmi politiċi biex jibqa’ jitkellem dwar dak li qed jaffettwa lilu u lil pajjiżna.

“Nemmen fil-prinċipji tal-onestà u l-integrità. Ninsab  irrabbjata li pajjiżna ġie f’dak li ġie u li qed tissejjaħ elezzjoni bikrija fi kriżi ta’ ħmieġ”.

Pia Zammit qalet li hija ħasset li kellha indirizza l-mass meeting għax daħku biha u gidbulha u saħqet li hija trid tgħix il-prinċipji tal-onestà u l-integrita li tħaddan.

Hija tkellmet dwar il-gideb ta’ Joseph Muscat mill-gidba li l-powerstation se titlesta fi żmien sentejn għall-wegħda li ssarrfet f’gidba li “Tista’ ma taqbilx magħna imma tista’ taħdem magħna”. Fakkret kif l-artijiet u l-isptarijiet tagħna nbiegħu biċ-ċicri f’kuntratti sigrieti u saħqet li llum pajjiżna jinsab mixtri mid-dittattura tal-Ażerbaijan.

Fakkret kif meta nkixfu l-Panama Papers sirna nafu li dawn daru d-dinja kollha biex jiftħu l-kontijiet sakemm fl-aħħar fetħu bank għalihom fejn għaddew flejjes kbar f’tixħim.

Quddiem dan il-ħmieġ kollu, saħqet Pia Zammit, l-uniku triq għal Jospeh Muscat hija li jitlaq issa.

Hija saħqet li  l-elezzjoni reali  hija bejn il-klikka tal-Panama u Malta. “Jien ma nistax nagħżel  lil min ħammeġ lil pajjiżna u għalhekk l-għażla tiegħi se tkun Malta”, temmet tgħid Pia Zammit.