Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil għamel appell qawwi lill-Avukat Ġenerali li jmexxi l-Financial Analysis Intelligence Unit (FIAU) biex f’ġieh l-interess nazzjonali u f’ġieħ il-poplu Malti, jippubblika ir-rapporti kollha dwar il-każi ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus li fihom huma involuti ċ-Chief of staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u l-konsulent finanzjarju tal-Prim Ministrui Brian Tonna.
Simon Busuttil għamel dan l-appell waqt attivitá politika bit-tema, ‘Jien nagħżel Malta’ li saret taħt it-tinda fil-Birgu u li għaliha attendiet folla kbira.
Hu rrefera għal artiklu fis-Sunday Times li jgħid li skont ir-rapport tal-FIAU, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri li hu ħaġa waħda ma Joseph Muscat u l-konsulent finanzjarju Brian Tonna huma suspettati li daħlu flus kriminali u korrotti mill-bejgħ tal-pasaporti. Simon Busuttil qal li din hi l-istess ħaġa li hu ilu jgħid għal dawn l-aħħar 10 ijiem u issa dawn huma ippruvati mir-rapport tal-FIAU li tinvestiga każi kriminali ta’ ħasil ta’ flus li tant huma gravi li jġibu piena ta’ 18-il sena ħabs.
Simon Busuttil qal li fir-rapport tagħha l-FIAU qed tgħid li hemm provi biżżejjed biex jittieħu passi kontra Keith Schembri u Brian Tonna. Qal li l-gravità hi li llum qed ngħixu f’pajjiż immexxi minn dawn in-nies maħmuġin u issa din hi ċara għal kulħadd.
Il-Kap tal-PN staqsa għaliex minkejja li r-rapport ilu lest minn Mejju tas-sena li għaddiet u l-Pulizija intalbu jinvestigaw u jinterrogaw lil Keith Schembru u lil Brian Tonna, baqgħu ma ttieħdux passi mill-Pulizja. Staqsa għaliex il-Prim Ministru żamm miegħu lil Keith Schembri u lil Brain Tonna u għadu jiddefendihom hu staqsa wkoll għaliex il-Prim Ministru għadu jokkupa din il-kariga.
Hu qal li dawk in-nies li jobdu l-liġijiet u jħallsu t-taxxi, kollha qed jistaqsu għaliex ma ttiħdux passi dwar dan u l-Kummissarju tal-Pulizjia m’għamel xejn u għaliex l-Avukat Ġenerali m’għamel xejn.
Hu qal li l-FIAU li hi mmexxija mill-Avukat Ġenerali nnifsu, talbet li jittieħdu passi kontra Keith Schembri u Brian Tonna u r-rapport ilu li ħareġ sena sħiħa imma minkejja dan l-Avukat Ġenerali m’għamel xejn. Staqsa wkoll għaliex l-Awtorità dwar is-servizzi finanzjaji (MFSA) li hi responsabbli mis-servizzi finanzjarji, mill-gaming u mill-ICT li bejniethom iħaddmu 22,000 persuna, kienet taf bit-taħwid f’Pilatus Bank u m’għamlet xejn.
Hu qal li r-rapport tal-FIAU dwar Keith Schembru u Brian Tonna tlesta fis-17 ta’ Mejju 2016 u l-Kummissarju tal-Pulizija li kien hemm qabel il-Kummissarju preżenti kien irriżenja qabel is-17 ta’ Mejju tas-sena li għaddiet u preċiżament irriżenja fis-27 ta’ April tas-sena li għaddiet. Simon Busuttil qal li kulħadd jaf li Michael Cassar kien irriżenja wkoll għax irċieva rapport mill-FIAU u beża’ jieħu passi fuqu u minflok ħa passi fuqu, irriżenja. Għalhekk staqsa, kif jista’ jkun Michael Cassar irċieva rapport f’April u rriżenja f’April jekk dan ir-rapport tlesta fis-17 ta’ Mejju. Simon Busuttil qal li r-risposta tista’ tkun biss li hemm rapport ieħor u sinjal li Keith Schembri u Brian Tonna mhux darba kienu investigati, imma aktar minn darba.
Simon Busuttil qal li bħala Kap tal-Oppożizzjoni u bħala l-Kap tal-PN u bħala persuna li hu kburi li hu parti minn din il-forza nazzjonali, kien qed jagħmel appell ieħor dirett lill-lil Avukat Ġenerali, “int m’għamilt xejn għal sena, int taf b’dan ir-rapport tat-Times, ilek taf bih sena, taf li hemm aktar minn rapport wieħed, oħroġ ir-rapport kollha issa, issa, issa, oħroġhom kollha, f’ġieh is-sewwa, f’ġieh l-interess nazzjonali, f’ġieh il-poplu Malti”
Simon Busuttil qal li Joseph Muscat sejjaħ elezzjoni biex in-nies ma jkollhomx ċans jifhmu kemm kemm hi gravi s-sitwazzjoni u sejjaħ elezzjoni biex ikompli jisfrutta lin-nies.
Fil-ftuh tad-diskors tiegħu Simon Busuttil irringrazzja lil folla kbira li attendiet fil-pjazza ewlenija tal-Birgu u rringrazzja lill-kelliema Ray Bugeja, Ivan Bartolo u sellem ukoll lil Marlene Farrugia tal-kuraġġ straordinajru tagħha li żgur mhux qed taħdem għaliha nnifisha, mhux għall-partit tagħha, imma qed taħdem għal pajjiżna u tassew għal Malta tagħna lkoll.
Simon Busuttil qal li Partit Laburista fil-Birgu dejjem gawda vantaġġ imma l-Partit Nazzjonalista mar fil-Birgu biex iwassal messaġġ li fit-3 ta’ Ġunju mhix għaża bejn il-PN u l-PL imma hi għażla għal pajjiżna. Hu qal li hemm Laburisti ġenwini li huma mweġġgħin u l-messaġġ tal-PN mhux għan-Nazzjonalisti biss, imma messaġġ nazzjonali għal kull min iħobb lil pajjiżna.
Hu qal li l-Gvern Laburista lanqas kien kapaċi jlesti l-pjazza tal-Birgu f’erba snin u xeba’ juża l-voti tan-nies tal-Birgu. Qal li fil-Kottonera hemm problemi kbar ta’ housing u l-Gvern Laburista anqas kien kapaċi jibni dar waħda ta’ housing fl-aħħar erba’ snin. Fil-Kottonera hemm diffikultajiet soċjali kbar u lis-single mothers flok għenhom, Joseph Muscat waqqfilhom il-benefiċċji tagħhom u remihom. Qal li fil-Kottonera hemm problema soċjali wkoll ta’ abbuż ta’ droga u minflok rajna lill-Prim Ministru jgħin lill-vittmi tad-droga, rajna lill-Prim Ministru jiddefendi lit-traffikanti tad-droga f’Għawdex.
Simon Busuttil qal li aħna lkoll aħwa Maltin u apella lin-nies tal-Kottonera biex ma jħallux lil Joseph Muscat jibqa’ jużahom biss għal vot għax ilu jagħmilha erba’ snin u jrid jerġa jagħmel dan fit-3 ta’ Ġunju, tħalluħx jerġa’ jużakhom.
Ïl-Kap tal-PN temm li “fit-3 ta’ Ġunju l-għażla hi għal Malta. Fit-3 ta’ Ġunju Malta trid tiġi l-ewwel u qabel kollox, u rridu nagħżlu bejn Jospeh Muscat u Malta u quddiem din l-għazla jien se nagħżel Malta u m’għandix dubju li l-poplu se jagħżel lil Malta wkoll.”
//= $special ?>