Lokali Qorti

Chris Cardona ma jridx lill-Qorti tivverifika jekk kienx fl-FKK Acapulco

Joġġezzjona għal talba biex il-Qorti teżamina 'TAP files' li jikkonfermaw li kien f'Velbert, il-Ġermanja

Il-Ministru Chris Cardona qed joġġezzjona li l-Qorti tivverifika jekk veru kienx fil-burdell FKK Acapulco, hekk kif qed joġġezzjona għal talba biex il-Qorti tara fejn kien Chris Cardona nhar it-30 ta’ Jannar 2017 permezz ta’ informazzjoni rrekordjata bl-użu tal-mobile.

Chris Cardona, permezz tal-avukat tiegħu Pawlu Lia, qed jgħid li l-Qorti m’għandiex titlob it-‘TAP files’ mingħand il-kumpanija tal-mobile ta’ Chris Cardona, li jfisser li Cardona ma jridx li l-Qorti tivverifika jekk veru kienx fil-burdell FKK Acapulco fil-Ġermanja.

L-istorja hija dwar żjara li l-Ministru tal-Ekonomija Malti jingħad li għamel fil-burdell FKK Acapulco meta kien waqt impenn tal-Gvern f’Essen, il-Ġermanja. Cardona kien fetaħ erba’ libelli kontra l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, li żvelat l-istorja. Cardona kien talab ukoll lill-Qorti biex tiffriża l-assi tagħha. L-istorja ta’ Caruana Galizia kienet ikkonfermata minn NET News wara investigazzjoni fil-burdell innifsu.

Fil-Qorti, hekk kif qed jinstemgħu dawn il-każijiet ta’ libell, il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia talbet lill-Qorti biex titlob kopja tat-‘TAP files’ ta’ Chris Cardona, iżda f’risposta, il-Ministru Cardona qed joġġezzjona.

Kif taħdem is-sistema ‘TAP’?

Is-sistema tat-‘TAP files’ tintuża mill-kumpaniji tal-mobile biex ikunu jistgħu jibgħatu l-kontijiet tal-mobile lill-klijenti tagħhom li jagħmlu użu mir-‘roaming’.

Meta persuna jkun qed juża l-mobile barra minn Malta (permezz tar-roaming), il-kumpaniji tal-mobile jkunu jafu peress li dan l-użu jiġi rrekkordjat f’dawk li jissejjħu ‘TAP files’. Fit-‘TAP files’ ikun hemm iż-żoni preċiżi fejn persuna jkun għamel użu mill-mobile.

Fi kliem sempliċi, jekk Chris Cardona qed jiċħad li kien f’Velbert il-Ġermanja (fejn hemm il-burdell Acapulco), għaldaqstant it-‘TAP files’ mhux se juru li sar użu tal-mobile f’Velbert, iżda użu biss f’Essen (fejn Cardona qed jinsisti li kien il-ħin kollu).

It-‘TAP files’ mitluba fil-Qorti ma jikxfux kif Chris Cardona uża l-mobile tiegħu iżda sempliċiment jindikaw iż-żoni fejn kien waqt li kien qed juża l-mobile. Dan ifisser li ħadd m’hu se jkun jaf kif uża l-mobile u x’għamel bih, iżda sempliċiment fejn sar dan l-użu.

Xhud ta’ Caruana Galizia u filmati ta’ NET News jikkonfermaw l-istorja

Għalkemm il-Ministru Chris Cardona ċaħad l-istorja, il-ġurnalista Caruana Galizia kkwotat sors li kien fil-burdell u li ra b’għajnejh lill-Ministru Chris Cardona u lill-konsulent tiegħu Joe Gerada. NET News, f’investigazzjoni li kien għamel fil-Ġermanja, ukoll kien ikkonferma l-istorja meta żewg prostituti fil-burdell ikkonfermaw li raw lil Cardna.