Minn għada se jibdew jitqassmu dokumenti tal-voti mingħajr features tas-sigurtà. Dan żvelah l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista u Shadow Minister tal-Intern Beppe Fenech Adami waqt konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Jiena Nagħżel Malta’.
Beppe Fenech Adami qal li fl-aħħar jiem, il-Kummissjoni Elettorali nfurmat li kellha problema bil-magni tal-lamination u li kienet qiegħed tfittex mod alternattiv biex tissostitwixxi dawk li kellha. Huwa qal li s-soluzzjoni li nstabet kienet li tintuża plastic paper u l-Kummissjoni Elettorali kienet tat garanzija li l-kwalità tagħha ma tagħtix lok għal abbuż.
Hu qal li l-Kummissjoni Elettorali informat lill-partiti li l-linka tad-dokument tal-vot hija tali li tista’ faċilment titneħħa. Beppe Fenech Adami qal li l-Kummissjoni Elettorali infurmat lid-delegati tal-Partit Nazzjonalista li, minn testijiet li saru, irriżulta li l-linka minn fuq id-dokument tal-vot tista’ faċilment titneħħa. Dan jagħti lok għal abbuż, qal Beppe Fenech Adami.
Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li, kuntrarju għal-liġi Elettorali u għall-assigurazzjoni li kienet tat il-Kummissjoni Elettorali, id-dokumenti tal-vot li għandhom jibdew jitqassmu minn għada għandhom neqsin security features li jaraw li d-dokumenti ma jiġux mittiefsa.
Beppe Fenech Adami qal li huwa inaċċettabbli għall-Partit Nazzjonalista li jkun hemm dokumenti tal-vot li ma jissalvagwardjawx is-security features bażiċi u li, minħabba f’hekk, il-votanti jistgħu jitwaqqfu milli jivvutaw dakinhar tal-Elezzjoni Ġenerali.
Din is-sitwazzjoni hija kollha l-frott tal-egoiżmu ta’ Joseph Muscat li, akkost ta’ kollox, ried idaħħal il-pajjiż f’elezzjoni bikrija sabiex jipprova jsalva ġildu, qal Beppe Fenech Adami. Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li kriżi fl-isitituzzjonijiet tal-pajjiż issa qiegħdin jolqtu anke il-Kummissjoni Elettorali. Huwa qal li pajjiżna daħal f’sitwazzjoni fejn l-istituzzjonijiet mhumiex jiffunzjonaw.
Il-Partit Nazzjoanlista qiegħed jeżiġi li l-Kummissjoni Elettorali tieħu l-miżuri kollha sabiex il-proċess Elelttorali jkun wieħed nieqes minn kull abbuż u kull suspett t’abbuż. Dan il-pajjiż ma jixraqlux li jmur għall-elezzjoni f’dawn il-kundizzjonijijet, qal Beppe Fenech Adami.
Beppe Fenech Adami fakkar li ftit xhur ilu l-Partit Nazzjonalista kixef kif kien hawn għexieren ta’ nies barranin li, permezz tal-iskema korrotta tal-bejgħ taċ-ċittadinanza Maltija, ingħatalhom il-vot. Apparti dan, qal il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, ftit ġimgħat ilu ġie żvelat kif hemm kollass f’Identity Malta b’persuni jkollhom aktar minn karta tal-identità waħda. Il-Partit Nazzjonalista sab ukoll li kien hemm persuni rreġistrati aktar minn darba fir-Reġistru Elettorali.
Beppe Fenech Adami qal li jitfa’ r-responsabbiltà fuq il-Gvern ta’ Muscat li, biex jipproteġi l-interessi tal-ftit poġġa l-istituzzjonijiet nazzjonali fi kriżi.
Għall-konferenza tal-aħbarijiet attendiet ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Rosette Thake.