Il-Partit Nazzjonalista juri bil-fatti li jrid jinvesti fit-tfal u l-familji Maltin u Għawdxin. Dan qalitu ix-Shadow Minister għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Therese Comodini Cachia waqt konferenza tal-aħbarijijet bit-tema ‘Jiena Nagħżel Malta’, li kienet indirizzata wkoll mill-President tal-Kunsill Ġenerali u Shadow Minister tal-Politika Soċjali Paula Mifsud Bonnici u l-kandidat għall-elezzjoni ġenerali Albert Buttigieg.
Therese Comodini Cachia qalet li l-impenn li ħabbar dalgħodu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil li jiġi offrut servizz ta’ childcare b’xejn għal kulħadd tneħħi kull diskriminazzjoni bejn it-tfal u tagħti l-opportunitajiet indaqs lil kull tifel u tifla.
Din hija propsota li turi li l-ħsieb tal-Partit Nazzjoanlista huwa li jinvesti fil-familja, qalet ix-Shadow Minister. Hija żiedet li f’pajjiżna il-familji qiegħdin jiċkienu u bħalissa hawn 17,000 familja b’wild wieħed u dawn jixirqilhom li jkollhom iċ-ċans li jidħlu f’ambjent edukattiv anke jekk xi ħadd mill-ġenituri jagħżel li jibqa’ d-dar. Din hija proposta li tneħħi kull diskriminazzjoni minn fuq kull tifel u tifla. Therese Comodini Cachia qalet li, għall-Partit Nazzjonalista, kull tifel u tifla huma mportanti l-istess u li Gvern ġdid Nazzjonalista jinvesti fl-ewwel snin tagħhom.
Therese Comodini Cachia qalet li dak li qiegħed jgħid il-Partit Laburista fil-kritika tiegħu huwa żbaljat u antikwat għaliex illum nafu li għandna nisa li jgħażlu li jkunu d-dar mat-tfal tagħhom. Hija żiedet li jiżbalja min jaħseb li dawn il-ġenituri jkunu d-dar mingħajr ma jkunu qiegħdin jagħmlu xejn.
Filwaqt li l-Partit Laburista moħħu fin-numri, il-Partit Nazzjonalista moħħu fin-nies u fi proposta bħal din, Joseph Muscat irid joqgħod jixxaħħaħ mal-familji, qal Therese Comodini Cachia. Hija qalet li miżura oriġinali kif maħsuba mill-Gvern kienet li tinkoraġixxi lil aktar ġenituri johorġu jaħdmu iżda l-prijorità ta’ Gvern ġdid Nazzjonalista tkun li l-ġenituri jagħżlu huma stess x’jagħmlu iżda li t-tfal kollha jkollhom opportunità ugwali u ġusta li jidħlu fl-ambjent edukattiv.
Ix-Shadow Mnister qalet li l-Partit Nazzjonalista qiegħed juri wkoll l-impenn lejn il-carers. Hija qalet li huwa mportanti li dawn isibu opportunità ta’ karriera serja, b’kundizzjonijiet xierqa u r-rispett mistħoqq. Il-Partit Nazzjonalista għamel il-kontijiet kollha bis-serjetà u l-investiment ta’ €53 miljun ġie kkalkulat fuq il-figuri li ħareġ il-Gvern stess.
Ix-Shadow Minister għall-Politika Soċjali Paula Mifsud Bonnici fakkret kif dalgħodu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil ressaq ħames proposti konkreti favur il-familja. Hija qalet li rajna Gvern li sfortunatament nesa’ il-wegħdiet li kien għamel qabel l-aħħar elezzjoni filwaqt li kellu ħafna ħin biex igawdu dawk ta’ madwaru.
Paula Mifsud Bonnici fakkret liema huma l-ħames impenji ta’ Gvern ġdid Nazzjonalista:
1. Servizz ta’ childcare b’xejn għall kull tifel u tifla
2. Żieda fiċ-children’s allowance minn €450 sa €550 għal kull wild, u żieda għal €650 għall-familji bi dħul baxx.
3. Leave tal-maternità li jitla’ għal 22 ġimgħa minn 18 filwaqt li jintroduċi 4 ġimgħat ta’ leave tal-paternità. Din il-proposta se tkun issussidjata mill-Gvern u se tiġi ntrodotta kont pjan strateġiku imfassal mal-imsieħba soċjali.
4. Sick leave tal-ħaddiema anke meta jimirdu t-tfal, ssussidjat mill-Gvern bi qbil mal-imsieħba soċjali.
5. Trasport b’xejn għat-tfal tal-iskejjel tal-Knisja u indipendenti, miżura li ttaffi l-problema kbira tat-traffiku.
Il-Kandidat għall-Elezzjoni Ġenerali Albert Buttigieg qal li Gvern ġdid Nazzjonalista jrid li, sa mill-bidu nett, jinkludi t-tfal fis-sistema ta’ tagħlim sew jekk il-ġenituri jaħdmu u sew jekk le. Huwa qal li dan il-bżonn mhux qiegħed jgħidu biss il-Partit Nazzjonalista iżda ġej ukoll minn sejħa tal-Caritas li t-tfal għandhom jiġu ntrodotti f’sistema ta’ inklużjoni kemm jista’ jkun kmieni.
//= $special ?>