Qiegħed inpoġġi r-responsabbiltà direttament fuq il-Prim Ministru li jrid jerfa’ r-responsabbiltà ta’ dawn l-oxxenitajiet li qed isiru. Nistenna li immedjatament, il-Kummissjoni Elettorali tara li d-difett gravi li jista’ jaffettwa l-andament tal-elezzjoni jiġi rmedjat minnufih, biex l-elezzjoni ġenerali ma tkunx imbagħbsa.
Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt li kien qed jindirizza attività taħt it-tinda fil-Ħamrun, ftit tal-ħin wara li kien żvelat li għada se jibdew jiġu mqassma dokumenti tal-voti li m’għandhomx security features li jiżguraw li d-dettalji tal-istess dokument ma jistgħux jitbagħbsu. “Id-dokument tal-vot jekk tigirfu b’idejk, tħassar il-linka; jew jekk taqbad tajjara bi spirtu, tista’ tħassar kull ma hemm fid-dokument tal-vot,” qal Simon Busuttil.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ħabbar li l-Partit Nazzjonalista se jinforma lill-Organisation for Security and Cooperation in Europe biex ngħidulhom x’qed jiġri f’Malta, u sostna li jistenna li b’effett immedjat, il-Kummissjoni Elettorali u l-Prim Ministru jirrimedjaw is-sitwazzjoni.
“Aħna se nżommu għajnejna miftuħa fuqhom. M’aħniex se nafdaw xejn. U se naraw li l-proċess elettorali jkun proċess ġust kif inhu mistenni minn pajjiż li jistenna li jsejjaħ lilu nnifsu demokratiku,” sostna Simon Busuttil.
“Jekk xi ħadd jaqbad id-dokument tal-vot tagħkom u jħassar parti u jagħmel isem ieħor jew ritratt ieħor, jista’ jkun hemm frodi fl-elezzjoni. Din hi sitwazzjoni ta’ gravità kbira,” spjega Simon Busuttil.
Hu qal li anke fuq l-aktar affarijiet li konna mingħalina li neħduhom forgranted, l-aktar affarijiet li konna mingħalina li moħħna mistrieħ f’pajjiżna, taħt Joseph Muscat tlifnihom. Għalhekk hemm bżonn mill-ġdid il-Partit Nazzjonalista fit-tmexxija ta’ dan il-Gvern, biex dan il-pajjiż nerġgħu nagħtuh id-demokrazija, l-ħarsien tal-liġi, li l-affarijiet jsiru bis-serjetà, sostna Simon Busuttil.
Hu fakkar li f’din l-elezzjoni, l-proposti weħidhom m’humiex biżżejjed għaliex l-elezzjoni ġenerali tat-3 ta’ Ġunju tmur lil hinn mill-proposti. “Fit-3 ta’ Ġunju, mhux se niddeċiedu fuq il-proposti, imma se niddeċiedu fuq il-prinċipji,” qal Simon Busuttil, u dan fid-dawl tal-fatt li din l-elezzjoni ġiet f’ċirkostanzi straordinarji.
L-elezzjoni se tkun missielta fuq l-aktar ħaġa bażika li għandu l-bniedem: l-integrità, l-onestà u s-sinċerità. “Muscat jista’ jwiegħed kollox lil kulħadd, imma hemm ħaġa li ma jistax iwiegħed: l-onestà,” qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Hu sostna li dan kollu ma jfissirx li għax l-elezzjoni hi dwar il-korruzzjoni, l-Partit Nazzjonalista m’għandux proposti. Anzi, l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jagħmel proposti sat-3 ta’ Ġunju.
Il-Partit Nazzjonalista b’politika għan-nies; Muscat b’politika għal tliet korrotti f’Kastilja
Simon Busuttil qal li filwaqt li l-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta proposti għan-nies, il-Gvern għandu biss politika għal tliet korrotti f’Kastilja. Hu fakkar li hemm anzjani li ma jingħatawx mediċini b’xejn, familji f’sitwazzjoni li bil-paga ma tlaħħaqx sal-aħħar tax-xahar minħabba splużjoni fil-prezzijiet tal-ikel. Hu qal li aħna qed nagħmlu l-politika għan-nies, u għalhekk Muscat ma ħaqqux jibqa’ fil-politika għax nesa’ li l-politika qegħda hemm għan-nies.
Dwar iċ-childcare, Simon Busuttil qal li kien pass tajjeb li ddaħħal biex jitħajru n-nisa joħorġu jaħdmu. Iżda, sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, matul l-aħħar snin, wieħed seta’ jinduna li din l-idea tajba ma kenitx kompluta għax kien hemm ommijiet li ma jaħdmux li ma setgħux jibgħatu lil uliedhom iċ-ċhildcare. Għalhekk, aħna qed ninsistu li ċ-childcare għandu jkun hemm għal kulħadd, anke għall-ġenituri li ma jaħdmux. “Jekk il-ġenituri għandhom bżonn childcare, għandhom isibuh,” insista Simon Busuttil.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista staqsa għaliex Muscat ma jabqilx li ċ-Childcare ma jkunx miftuħ għal ġenituri li għandhom tfal bl-awtiżmu, filwaqt li nsista li l-politika tkun għal kulħadd, mingħajr diskriminazzjoni. Hu sostna li din hi proposta kbira anke għaliex se tiswa’ l-miljuni, speċjalment jekk is-servizz jintuża minn kull min hu eliġibbli jużah. “Dan hu pass speċjali, edukattiv u ta’ ugwaljanza,” qal Simon Busuttil.
Impenn ieħor hu dak taż-żieda fiċ-Children’s Allowance. Simon Busuttil spjega li għal kull wild, iċ-Children’s Allowance se tiżdied b’€100, minn €450 għal €550. Hu kompla jispjega li għall-familji li għandhom dħul baxx, iż-żieda se tkun ta’ €200. “Aħna qalbna mal-ħaddiema, u tassew irridu ngħinu lil min għandu bżonn, u mhux lil Sai Mizzi li ntuha nofs miljun ta’ xejn. Aħna l-flus intuhom lill-familji,” qal Simon Busuttil.
B’konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali, Gvern ġdid Nazzjonalista se jżid ukoll il-leave tal-maternità, li ftit tas-snin ilu kien ta’ 14-il ġimgħa. “Aħna issa rridu nżidu dan il-leave għall-ommijiet għal 22 ġimgħa, għaliex hekk jixraq biex ngħinu lill-ommijiet li jkollhom it-tfal,” spjega Simon Busuttil. Hu spjega li dan m’għandux ikun piż fuq min iħaddem, iżda jkun il-Gvern li jagħti dan is-sussidju. Hu rrefera għal proposta oħra – dik tal-leave tal-paternità – li se jiġi introdott, għaliex il-Partit Nazzjonalista jinteressah ukoll mill-missirijiet. Hu rrefera għall-apprezzament tal-eks President tal-KSU Becky Micallef, li ndirizzat l-attività ftit tal-ħin qabel u faħħret din il-proposta.
“Ma niflaħx aktar niltaqa’ ma’ ġenituri li jaħdmu u jitkellmu dwar il-problema li jiffaċċjaw meta t-tfal iqumu ma jifilħux,” qal Simon Busuttil. Hu qal li ħafna nies f’dik is-sitwazzjoni jispiċċaw jieħdu s-sick leave jew inkella l-leave – u bla ma jridu, jabbużaw mis-sick leave. “Aħna qed ngħidulhom: tabbużaw xejn u ħudu s-sick leave anke meta jimirdu t-tfal,” qal Simon Busuttil.
Simon Busuttil tkellem ukoll dwar il-proposta tat-trasport b’xejn għall-istudenti tal-iskejjel tal-Knisja u dawk indipendenti. Hu fakkar li l-Gvern ilu għal tliet snin jirredikola din il-proposta. Hu spjega kif din il-proposta tneħħi d-diskriminazzjoni fost l-istudenti, kif ukoll li tnaqqas il-problema tat-traffiku. Hu spjega kif il-ġenituri jistgħu jserrħu rashom li uliedhom ikunu taħt superviżjoni waqt li sejrin lejn u mill-iskola.
Hu qal li ħa sorpriża sabiħa meta sema li Muscat, dalgħodu, għamel konferenza tal-aħbarijiet li fiha ppreżenta l-istess proposta. “Anke fuq din ikkonvinċejnihom”, qal Simon Busuttil.
//= $special ?>