Il-poplu ta’ Franza u eluf kbar ta’ segwaċi madwar l-Ewropa qegħdin jiċċelebraw ir-rebħa elettorali ta’ Emmanuel Macron wara li hu għeleb faċilment lill-kandidat estremista tal-lemin, Marine Le Pen, fit-tieni round tal-elezzjoni għall-Presidenza ta’ pajjiżu.
Il-konferma tar-rebħa ngħatat tard matul il-lejl u l-partitarji ta’ Macron damu sas-sigħat bikrin ta’ dalgħodu jifirħu bir-riżultat li anki jserraħ ras il-Mexxejja tal-Istati l-oħra tal-Unjoni Ewropea.
F’diskors li għamel wara r-rebħa, Macron impenja ruħu biex jiġġieled lill-elementi li qed jixprunaw sentimenti ta’ diviżjoni li qegħdin idgħajjfu lil Franza. Il-President ġdid ta’ Franza qal ukoll li jrid jaċċerta li s-sostenituri ta’ Marine Le Pen ma jkollhomx aktar raġuni biex jivvutaw favur politika estremista.
Macron kiseb 66 fil-mija tal-voti fit-tieni round tal-elezzjoni kontra ftit aktar minn 33 fil-mija għal Le Pen. Hu ġie elett fuq il-bażi ta’ programm favur l-Unjoni Ewropea waqt li Le Pen kienet mexxiet kampanja bbażata fuq il-wiegħdiet biex toħroġ lil Franza mill-ewro.
Iżda filwaqt li l-elettorat ċaħad il-wiegħda ta’ Le Pen għal referendum dwar l-isħubija ta’ pajjiżha fl-Unjoni Ewropea, il-politika tagħha kontra l-globalizzazzjoni u l-immigrazzjoni xorta kisbitilha madwar 11 il-miljun vot. Intant, fl-ewwel kummenti tagħha wara r-riżultat, Marine Le Pen qalet li l-Partit tagħha tal-Front Nazzjonali jeħtieġ jgħaddi minn proċess ta’ tiġdid sinifikanti.
Fl-aħħar sigħat, diversi mexxejja tad-dinja bagħtu messaġġi ta’ kongratulazzjoni lil Macron, bil-Kap tal-Kummissjoni Ewropea, Jean Claude Juncker u l-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel jesprimu ferħ talli l-Franċiżi għażlu futur f’Ewropa magħquda.
Anki l-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, feraħ lill-President ġdid ta’ Franza u awgura li jkun jista’ jaħdem miegħu dalwaqt fl-interess bilaterali.
//= $special ?>