Bejn it-Tlieta u l-Erbgħa jintlagħabu t-tieni legs tas-semifinali taċ-Champions League u t-Tlieta Juventus jilqgħu f’Turin lil Monaco wara li ġimgħa ilu rebħulhom 2-0 u għada Real jilagħbu barra minn darhom kontra Atletico wara li rebħulhom b’hat-trick ta’ Ronaldo.
Il-wirja ta’ Juventus kienet waħda tipika tagħhom hekk kif dawn iddefendew b’għaqal kbir kontra Mbappe u sħabu u skurjaw permezz tal-ftit okkażjonijiet li kellhom. L-eroj tas-serata kien bla dubju Higuain li skurja doppjetta.
Juventus issa ilhom sitt logħbiet ma jsofru gowl fiċ-Champions League u dan hu rekord tal-klabb. In-numri tat-tim immexxi minn Allegri huma impressjonanti hekk kif dawn sofrew biss żewġ gowls f’11-il logħba ta’ din il-kompetizzjoni.
Barra minn hekk, din kienet l-ewwel darba sa minn Novembru tal-2015 li Monaco naqqsu milli jiskurjaw f’darhom u dan kollu juri l-wirja mill-aqwa difensiva li kellhom iċ-champions Taljani.
Dawn in-numri kollha juru kemm bħalissa t-tim ta’ Max Allegri jinsab għaddej minn mument tajjeb u bla dubju hu l-akbar favorit li jasal sal-finali tat-3 ta’ Ġunju li se tintlagħab f’Cardiff f’Wales.
Wara dak li seħħ ġimgħa ilu jidher li l-avversarji ta’ Juventus se jkunu Real Madrid. Dan wara li nhar it-Tlieta li għadda Real Madrid, li huma holders, kisbu rebħa meritata ta’ 3-0 kontra Atletico Madrid fl-ewwel leg tal-ewwel tas-semifinali.
Il-wirja tal-holders kienet waħda dominanti u bla dubju issa għandhom sieq fil-finali.
L-eroj ta’ Real kien Cristiano Ronaldo li skurja tliet gowls biex issa skurja total ta’ 103 gowls fil-kompetizzjoni.
Barra minn hekk Ronaldo skurja 10 gowls fi 11-il logħba fiċ-Champions League f’dan l-istaġun.
Madankollu Atletico ma jridux jaqtgħu qalbhom malajr u jippruvaw jirrepetu l-wirja li kellhom fl-2015 meta dakinhar kienu għelbu lil Real 4-0.
Jekk kemm-il darba jkunu Real li jgħaddu għall-finali u jum qabel Juventus jeliminaw lil Monaco jkollna ripetizzjoni tal-finali tal-1998 meta dakinhar kienu l-Ispanjoli li rebħu bi skor ta’ 1-0 b’gowl ta’ Mijatovic.
Real se jkunu qed jimmiraw li jirbħu t-tazza għat-12-il darba imma biex jagħmlu dan iridu jagħmlu xi ħaġa speċjali għaliex sa mill-1990, il-holders taċ-Champions League qatt ma rnexxielhom jirbħu t-tazza għat-tieni sena konsekuttiva. L-aħħar darba li għamlu dan kien meta Milan rebħu t-tazza fl-1989 u fl-1990.
Il-kowċ ta’ Real Zidane, eksplejer ta’ Juventus se jkun qed jipprova jirbaħ it-tazza għat-tieni sena konsekuttiva wara li għamel dan f’Mejju tal-2016 meta fil-finali Real għelbu lill-istess Atletico bl-għoti tal-penalties f’San Siro.
Minn naħa tagħhom jekk Juventus jeliminaw lil Monaco jkunu għamlu dak li għamlu f’dawn l-aħħar snin meta eliminaw lill-Franċiżi mill-kwarti tal-finali biex waslu sal-finali li eventwalment tilfu kontra Barcelona.
Il-logħba bejn Juventus u Monaco se tkun ukoll ripetizzjoni tas-semifinali tal-1998 meta dakinhar kienu t-Taljani li ikkwalifikaw għall-finali b’aggregate ta’ 6-4. Huma kienu rebħu l-ewwel leg 4-1 qabel ma tilfu t-tieni leg bi skor ta’ 3-2. Fil-finali, eventwalment tilfu kontra Real Madrid.
Il-Programm
Illum
Juventus v Monaco (2-0)
Għada
A.Madrid v R.Madrid (0-3)